Raġel ma jinżammx responsabbli għall-mewt ta’ anzjana

Raġel ta’ 37 sena minn Raħal Ġdid li kien instab ħati li b’sewqan traskurat tajjar anzjana li mietet tliet ġimgħat wara ġie illiberat wara li rriżulta li hija qasmet minn wara xarabank u allura t-tort ingħata lilha.

L-inċident kien seħħ fit-8 ta’ Frar 2010 fi Triq Żabbar f’Raħal Ġdid meta Wayne Grima laqat lil Vincenza Ellul.

L-anzjana mietet tliet ġimgħat, fis-26 ta’ Frar, wara fl-eta ta’ 73 sena bi Grima jiġi akkużat li b’sewqan traskurat ikkaġunalha l-mewt.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ikkonkluda li sewqan ta’ 60 kilometru fis-siegħa f’dik it-triq kien sewqan traskurat u ikkundannah 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Permezz tal-avukati Franco Debono u Marion Camilleri, Grima appella fejn baqa’ jinsisti li ma kienx qed isuq bi traskuraġni jew b’veloċita eċċessiva meta seħħ l-inċident.

L-Imħallef Giovanni Grixti qabel miegħu u irrimarka li l-provi juru li kienet Ellul li qasmet triq prinċipali u traffikuża minn wara xarabank fl-aktar parti wiesa tagħha b’mod angolat u b’rasha baxxuta mingħajr ma rat it-traffiku.

Kien għalhekk li huwa annulla s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u illibera lil Grima minn kull ħtija dwar dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Spiridione Zammit.

Share With: