Raġel mill-Imtarfa jmut fil-kwartieri tal-Pulizija ftit wara li ġie miżmum mill-pulizija

Illum, għall-ħabta tal-3:40 a.m, il-Pulizija stazzjonati fil-Lock-Up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, innutaw li persuna li kienet qed tinżamm hemmhekk kellu bżonn l-assistenza medika, peress li prima facie deher li kien qiegħed ibati minn ‘fit’.

Minnufih bdiet tingħata l-assistenza medika u anke intużat AED, filwaqt li ssejjaħ tim mediku fuq il-post. Mal-wasla tat-tim mediku, dawn komplew jassistu lil din il-persuna, iżda minkejja kull tentattiv, ir-raġel ta’ 35 sena residenti l-Imtarfa, sfortunatament tilef ħajtu.

Ir-raġel kien twaqqaf aktar kmieni għall-ħabta tan-00:30 a.m, minn żewġ units tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li kienu fuq ronda u wara li qajmilhom
suspett u waqfuh, saritlu tfittxija fejn instab fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan għadhom għaddejjin.

Share With: