Raġel ta’ 74 sena l-isptar wara inċident tat-traffiku f’Ħal Far

Raġel ta’ 74 sena, residenti Birżebbuġa, kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku. 

Illum, għall-ħabta tat-tlieta u nofs (1530hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li seħħ inċident bejn żewġ vetturi fi Triq l-Avjazzjoni, Ħal far u kien hemm xi persuna li sofriet xi ġrieħi. 

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħ impatt bejn vettura tat-tip Astra misjuqa minn raġel ta’ 36 sena mill- Albanija residenti Ħal Tarxien u Renault Scenic misjuqa minn raġel ta’ 74 sena residenti Birżebbuġa. 

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li assista lir-raġel ta’ 74 sena u permezz t’ambulanza ttieħed l- Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett. 

Share With: