Kull negozju se jispiċċa jieħu ferm aktar minn qabel

Miktub Minn Victor Vella

Minn analiżi li saret għal Inewsmalta dwar il-miżuri mħabbrin nhar it-Tnejn li għaddew, u li huma l-akbar pakkett ta’ miżuri ta’ sostenn lin-negozji li qatt ingħata fl-istorja ta’ pajjiżna, jirriżulta li kull tip ta’ negozju li jipparteċipa fl-iskemi tal-pjan tar-riġenerazzjoni ser jispiċċa jieħu aktar fix-xhur li ġejjin milli kien jieħu qabel. Dan minkejja li l-bejgħ ser ikun aħjar. 

Jekk nieħdu ħanut tax-xagħar u sbuħija naraw li bl-għajnuna dawn se jieħdu €4,960. Din tfisser żieda tad-doppju fuq il-wage supplement li ngħatat fit-tliet xhur ta’ qabel li kien ilaħħaq €2,400 biss. Ħanut tal-ħwejjeġ, se jkun qed jieħu madwar €18,000. Dan huwa 50% aktar milli kienet ħadet fit-tliet xhur ta’ qabel meta kellha COVID Wage Supplement. Jekk imbagħad nieħdu ristorant żgħir naraw li dan se jingħata €24,800 f’sostenn. Dan huwa kważi elf ewro aktar milli kieku baqa’ l-COVID Wage Supplement kif kien qabel. 

Stimolu bla preċedent lin-negozji Maltin u Għawdxin

It-Tnejn li għadda l-Gvern ħabbar l-akbar pakkett ta’ miżuri ta’ sostenn lin-negozji li qatt ingħata fl-istorja ta’ pajjiżna. L-ewwel miżura pożittiva kienet aktar diferiment tat-taxxi għas-somma ta’ €200 miljun. Barra minn hekk ittieħdu proġetti ta’ infrastruttura industrijali li jammontaw għal €400 miljun. Dawn jinkludu spażji industrijali ġodda għal negozji żgħar, għal start-ups, kif ukoll għal kumpaniji li joperaw fis-settur loġistiku jew life sciences. 

Ma’ dawn wieħed irid iżid sensiela ta’ skemi ta’ appoġġ li ser jagħtu madwar €200 miljun direttament lin-negozji Maltin u Għawdxin. Nibdew bl-estensjoni tal-COVID Wage Supplement, l-akbar għajnuna li qatt ingħatat lin-negozju fl-istorja ta’ pajjiżna. Fit-tliet xhur sa’ Settembru dan mistenni jagħti lil 20,000 negozju is-somma ta’ €91 miljun. Dan ifisser appoġġ medju ta’ €4,550 fi tliet xhur. Imbagħad għandek ir-Restart grant  li se sservi biex jitħallsu il-kirjiet. Hawnhekk se jintefqu €50 miljun jew €2,500 kull negozju. Żid ma dan ir-rifużjoni tal-elettriku. Spiża ta’ €30 miljun jew €1,500 kull negozju. 

Għandek imbagħad il-waiver tal-liċenzj li se tagħti €5 miljuni lura lin-negozji. Lil dawk li s-sena l-oħra bbenefikaw mill-Microinvest 30% tat-tax credits se jsiru grants, li tfisser injezzjoni oħra ta’ €5 miljun. Se tiġi modifikata l-Skills Development Scheme għat-taħriġ tal-ħaddiema b’€5 miljuni għal negozji żgħar u medji. Lil dawk in-negozji li ser jagħmlu re-engeenering tal-proċessi tagħhom ser ikun hemm sostenn ta’ €2.5 miljun. Dan barra għajnuna għal kampanji ta’ promozzjoni diġitali kif ukoll kampanja qawwija favur negozji lokali. Lill-kumpaniji tal-kostruzzjoni li se jinvestu f’makkinarju aktar favur l-ambjent se jkun hemm appoġġ ta’ €4 miljun.

Negozju li jieħu vantaġġ minn dawn l-iskemi kollha jkollu injezzjoni ta’ aktar minn €18,000 fi tliet xhur. Dan minbarra l-impatt pożittiv li ser ikun fuq in-negozji mir-roħs straordinarju fil-fjuwil.

Biex aktar nispjegaw il-miżuri se nħarsu lejn tliet każijiet partikolari.

Hairdresser self-employed … ser tingħata €4,960 jew żieda tad-doppju fuq il-wage supplement

Katy hija hairdresser Għawdxija self-employed. Qed tinkwieta għax semgħet li l-COVID Wage Supplement se jonqos minn Lulju minn €800 għal €320. B’hekk taħseb li ser jonqos s-sostenn b’€1,440 fuq tliet xhur. Imma fl-istess żmien Katy tista tapplika għar-rifużjoni tal-kera u tal-kont tad-dawl sa’ €4,000. Mhux talli naqsitilha l-għajnuna, talli Katy issa jekk tiftaħ il-ħanut tagħha ser tingħata €4,960. Din tfisser żieda tad-doppju fuq il-wage supplement li ngħatat fit-tliet xhur ta’ qabel li kien ilaħħaq €2,400 biss.

Ħanut tal-ħwejjeġ … sabet li l-Gvern kien għaddielha għajnuna ta’ €18,000 jew 50% aktar minn qabel

Maria għandha ħanut tal-ħwejjeġ fejn fost l-oħrajn tbigħ ħwejjeġ li tiddisinja hi stess. Tħaddem magħha 5 persuni oħra. Filwaqt li qed issir dejjem aktar fiduċjuża għax il-Belt reġa’ beda jkun hemm in-nies u bdiet fl-aħħar tbigħ mill-istokk. Intant semgħet li filwaqt li kapaċi tara aktar bejgħ issa li l-Gvern ser jagħti vawċers biex jintefqu fi ħwienet bħal tagħha, nħasdet li l-COVID Wage Supplement  ser jonqos. Ikkalkulat li ser jonqos s-sostenn lejn il-pagi b’€1,000 fix-xahar. Imma issa ser tkun tista tirċievi lura sa’ €4,000 lura fi spejjeż ta’ kera u elettriku, jew €1,333. Fl-istess ħin semgħet bl-iskema tar-re-engeenering tal-business, ddeċidiet li tinvesti f’konsulenza ħalli fl-aħħar jkollha sistema ta’ bejgħ online kif ukoll mod kif tkun tista tibgħat il-kreazzjonijiet tagħha anke barra minn Malta. L-ispiża tal-konsulent li qabdet, €5,000, ħaditha kollha lura u issa tista tbigħ anke permezz tal-websajt ġdida tagħha. Fi tmiem Settembru hi u tagħmel il-kontijiet tagħha Maria sabet li l-Gvern kien għaddielha għajnuna ta’ €18,000. Dan huwa 50% aktar milli kienet ħadet fit-tliet xhur ta’ qabel meta kellha COVID Wage Supplement aktar ġeneruż. 

Ristorant żgħir … ser jingħata €24,800 f’sostenn, li hu  kważi elf ewro aktar

Manuel għandu ristorant li fih iħaddem 10 ħaddiema fuq bażi full tajm. Filwaqt li ferħan li reġgħu bdew ġejjin in-nies jieklu għandu, qed jitħasseb għax semgħa li l-COVID Wage Supplement ser jonqos minn €800 għal €600. Imma Manuel issa jista’ japplika mal-Malta Enterprise għal rifużjoni tal-kera u tal-kont tad-dawl u b’hekk jirċievi €4,000 grant. Manuel ser jingħata wkoll lura l-ħlas tal-liċenzji li ta’ kull sena jagħmel lil Malta Tourism Authority, b’rifużjoni ta’ aktar minn €800. Is-sena li għaddiet Manuel kien uża l-iskema Microinvest biex jagħmel refurbishment tar-ristorant. Grazzi tal-pjan ta’ riġenerazzjoni, issa ser jirċievi grant ta’ €2,000 grant. B’kollox fi tliet xhur Manuel ser jingħata €24,800 f’sostenn. Dan huwa kważi elf ewro aktar milli kieku baqa’ l-COVID Wage Supplement kif kien qabel. 

Dawn it-tliet eżempji jindikaw li kull tip ta’ negozju li jipparteċipa fl-iskemi tal-pjan tar-riġenerazzjoni ser jispiċċa jieħu aktar fix-xhur li ġejjin milli kien jieħu qabel. Dan minkejja li l-bejgħ ser ikun aħjar. Imma xorta dawn huma xhur kruċjali li fihom l-Gvern irid iżid l-appoġġ ħalli n-negozji jitilqu jiġru. 

Share With: