Ritratti: Erba’ persuni arrestati fil-Mosta b’rabta ma’ droga

Ħidma konġunta bejn il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit waslet għall-arrest ta’ erba’ persuni, b’suspett ta’ allegat traffikar ta’ droga.  Huma kienu arrestati matul il-jum tal-Ħamis fil-Mosta, bil-Pulizija ssib mal-ħames kili, allegatament ħaxixa tal-cannabis.

Il-Pulizija kienu ilhom diversi ġimgħat jgħassu garaxx fi Triq il-Buffula l-Ħamra fil-Mosta sakemm il-Ħamis filgħodu, l-Pulizija bdiet issegwi l-movumenti ta’ żewġ persuni li kienu ġo vettura. Wara xi ħin, din il-vettura waqfet fi Triq il-Buffula l-Ħamra, biż-żewġ persuni, raġel ta’ 46 sena residenti l-Mosta u mara ta’ 22 sena ta’ nazzjonalità Russa residenti s-Siġġiewi, niżlu mill-vettura u daħlu fil-garaxx. Kien hawn li l-Pulizija daħlu fil-garaxx fejn hemmhekk sabu raġel ta’ 36 sena residenti l-Mosta maġenb vettura li kienet ipparkkjata fil-garaxx. Waqt li t-tliet persuni ġew

arrestati, saret tfittxija fil-post u fil-karozza nstabu ħames pakketti kbar b’sustanza allegatament droga cannabis. Irriżulta li b’kollox kien hemm ħames kili. Fil-post, instabu wkoll mal-€10,000 fi flus kontanti u affarijiet oħra relatati ma’ allegat bejgħ ta’ droga.

F’din l-operazzjoni l-Pulizija elevat diversi vetturi lussużi. Il-Pulizija arrestat ukoll mara ta’ 58 sena li tgħix f’residenza li hija parti mill-garaxx u li l-vettura li fiha nstabet id-droga hija fuq isimha.

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech, li qed tmexxi inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Share With: