Ritratti: Issofri ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar

Mara qed issofri minn ġrieħi serji wara li lbieraħ għall-ħabta tad-9:00 p.m kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Tul il-Kosta fin-Naxxar.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari li saret irriżulta li żewġ vetturi, mutur tat-tip Yamaha u vettura ta’ tip Toyota Proace, kienu sejrin fl-istess direzzjoni u kellhom impatt.

Il-mutur kien qed jinstaq minn mara ta’ 30 sena, residenti l-Gżira filwaqt li l-vettura kienet qed tinstaq minn raġel Libjan ta’ 38 sena, residenti l-Pieta’.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

Share With: