Robert Arrigo jgħid li x-xogħol li sar fis-skiet matul l-aħħar 30 xahar qed jagħti l-frott

Il-Viċi-Kap Nazzjonalista, Robert Arrigo qal li x-xogħol li sar fl-aħħar 30 xahar fis-skiet qed jagħti l-frott. 

Hu qal dan f’post fuq il-midja soċjali fejn spjega li l-kontijiet awditjati jinsabu ppubblikati u min jarahom se jibqa’ sorpriż. 

Saħaq li l-iskema ċedoli issa telgħet għal 500 kuntratt, filwaqt li l-interessi ġew imħallsa kollha fid-data li kellhom jitħallsu. 

Hu qal li dan kollu kien possibbli għax kienu serji u qal li dan hu l-mod kif jistgħu jiġu fdati. Saħaq li ġew ikkontrollati ħafna l-ispejjeż u d-dħul, filwaqt li qal li qegħdin ikomplu jsolvu xi ftit nuqqasijiet li għad hemm. 

Rigward l-uffiċċju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Arrigo qal li dan għandu l-inqas baġit li qatt kellu l-Partit Nazzjonalista. Barra hekk, semma li hemm l-inqas ammont ta’ ħaddiema. 

Robert Arrigo qal li mhux lussu li jkun hemm min jorqod fuq is-sufan, filwaqt li sostna li l-membri parlamentari u nies oħra qegħdin iqattgħu sal-10.30 p.m. jaħdmu d-Dar Ċentrali. 

Qal li filwaqt li dawn l-aħbarijiet mhux se jinżlu tajjeb ma’ xi wħud li qed iweġġgħu, min-naħa l-oħra huma aħbarijiet tajbin għal ħafna oħrajn. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista sa jirnexxilu jasal sat-tragward. 

Share With: