“Sal-ġimgħa li ġejja t-total ta’ persuni li jkunu ġew infettati bil-Covid-19 se jilħaq l-10 miljuni”

Id-Direttur Ġenerali tal- Għaqda Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom qal li huwa pproġettat li n-numru totali ta’ infezzjonijiet tal-Covid-19 kemm ilha li bdiet il-pandemija se jilħaq l-għaxar miljun persuna sal- ġimgħa d-dieħla. Fil-preżent, iċ-ċifra globali ta’ persuni li ġew infettati hija ta’ 9.3 miljuni. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Tedros appoġġja d-deċiżjoni li ħadet l-Arabja Sawdija biex tipprojbixxi lill-pellegrini internazzjonali milli jattendu għall-Haj. Għal dan l-avveniment, li huwa fost l-iktar importanti l-kalendarju tal-Iżlam, is-soltu jattendu madwar żewġ miljun persuna minn madwar id-dinja. 

Adhanom żied jgħid li l-WHO tinsab għaddejja b’ħidma intensiva biex tgħin lil għadd ta’ pajjiżi ħalli jiksbu l-appartat mediku li għandhom bżonn biex b’hekk il-panzjenti jkunu jistgħu jingħataw il-kura meħtieġa. Huwa qal li l-preżent “id-domanda hija ħafna iktar mill-provvista”.

Min-naħa tiegħu, Dr Mike Ryan, li huwa l-kap tal-programmi ta’ emerġenza tal-WHO, qal li f’ħafna mill- pajjiżi ta’ Americas il-virus għadu ma laħaqx il-qofol tiegħu u qal li s-sitwazzjoni għandha waħda intensa. Huwa tenna li dan japplika l-iktar għall-pajjiżi li jinsabu fiċ-ċentru u n-Nofsinhar tal-Amerika. Ryan irrimarka li f’diversi minn dawn il-pajjiżi, matul il-ġimgħa li għaddiet, il-każi żdiedu bejn 25-30%. 

Share With: