Sentenza sospiża għal Paul Sheehan wara sparatura

Paul Sheehan, li kien ix-xufier tal-eks Ministru Manuel Mallia, nstab ħati li spara lejn raġel ieħor wara li dan laqatlu l-karozza tax-xogħol. Sheehan, ta’ 47 sena mill-Gżira, kien mixli li fid-19 ta’ Novembru 2014, bil-ħsieb li joqtol lil Stephen Smith spara tiri lejh.

Huwa kien mixli wkoll li kkaġuna ħsara fil-vettura ta’ Smith, li kien qed iġorr fuqu arma u li sparaha f’post pubbliku. L-inċident kellu l-bidu tiegħu meta Sheehan, li dak iż-żmien pulizija, kien qiegħed id-dar t’ommu.

Smith, li mill-provi rriżulta li kien xurban, baqa’ dieħel bil-vettura tiegħu f’dik tal-ministru u baqa’ sejjer. Sheehan sema l-ħoss u wara li ra lil Smith jaħrab minn fuq il-post ġera warajh bil-karozza u spara żewġ tiri fid-direzzjoni tiegħu qabel dan tal-aħħar waqaf.

Il-Maġistrat Rachel Montebello, li iddeċiediet il-kawża, ikkonkludiet li għalkemm Sheehan kellu jedd li jwiddeb lil Smith biex ma jitlaqx minn fuq il-post ma kellux juża forza esaġerata kif għamel.

Hija sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih u ikkundannatu 22 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Fl-istess waqt ordnat il-konfiska tal-pistola Glock, il-magażin bi 15-il balla mhux sparati u ż-żewġ balal sparati. Il-Maġistrat Montebello rabtitu wkoll b’multa ta’ €1,000 biex għal żmien sena ma jdejjaqx lil Smith.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo u l-Ispetturi Jesmond Micallef u Saviour Baldacchino.

Share With: