Servizzi ġodda offruti lis-sajjied mid-Dipartiment tas-Sajd

Il-Ministru Anton Refalo nieda extension services fis-settur tas-sajd waqt konferenza stampa f’Marsaxlokk, ir-raħal tas-sajjieda. Il-ministru qal li dawn is-servizzi huma parti minn strateġija ta’ ristrutturar tad-Dipartiment tas-Sajd u li l-gvern irid joffri l-aħjar servizzi lis-sajjieda tagħna filwaqt li jaħdem sabiex jiggarantixxi settur sostenibbli lil dan is-settur importanti.

Is-servizz tal-extension services se jkun qed iżid l-effiċjenza filwaqt li jiffoka l-aktar fuq il-bżonnijiet tas-sajjieda. Il-ministru qal li s-settur tas-sajd hu partikolari ferm, speċjalment dak Malti li hu fuq skala żgħira u artiġjanali. Għalhekk, hemm bżonn ta’ iktar effiċjenza u għajnuniet li jwasslu għal titjib fl-operat tas-sajjieda stess.

Il-Ministru Refalo elenka numru ta’ servizzi li se jingħataw u ħabbar li fiż-żmien qrib se jinfetħu żewġ uffiċini oħra f’San Pawl il-Baħar u f’Marsaxlokk stess, biex b’hekk tiġi implimentata l-istrateġija tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura li kemm jista’ jkun jopera minn qalb is-sajjieda.

Il-Ministru Refalo semma wkoll it-tbatijiet tas-sajjieda speċjalment minħabba l-effetti tal-pandemija COVID-19. Qal li l-gvern qed jaħdem fuq mekkaniżmi biex is-sajjieda jirċievu l-għajnuna mistħoqqa u ħabbar li l-għan għal din is-sena biss, is-sajjieda professjonali mhux se jkunu suġġett għall-iskrutinju ta’ bejgħ li jista’ jwassal għar-relegazzjoni tal-kategorija.

Il-ministru kkonkluda billi mill-ġdid ikkonferma l-impenn sħiħ tiegħu u tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura għal iktar ħidma sabiex ikun hemm futur garantit għas-sajjieda u għall-familji tagħhom.

Share With: