Sid ta’ ‘snack bar’ mhux ħati li dejjaq ġirien b’ċumnija

Belti ta’ 43 sena li jmexxi ‘snack bar’ fil-belt kapitali ma nstabx ħati li dejjaq koppja ġara b’ċumnija li waħħal fix-xaft.

Jefrin Grech, li għandu l-“Mandraggio”, tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, waħħal ċumnija fix-xaft ta’ blokka ta’ appartamenti f’Misraħ Mattia Preti.

Huwa spiċċa fil-Qorti wara rapport li sar mill-koppja Oswald u Sylvana Caruana li lmentaw kemm li ċ-ċumnija twaħħlet bla permess kif ukoll għax kienet qed tagħmel ħafna ħsejjes u rwejjaħ.

Grech argumenta li l-kawża kienet preskritta jiġifieri għadda l-perjodu fejn seta jitressaq fuq l-akkuża.

Il-Maġistrat Mifsud tah raġun u irrimarka li ċ-ċumnija twaħħlet f’Marzu 2013 u għalhekk l-azzjoni kriminali kellha tinbeda qabel Marzu 2015 u mhux Novembru tal-istess sena.

Kien għal din ir-raġuni li huwa ma sabx lil Grech ħati tal-akkuża miġjuba kontrih mill-Ispettur Priscilla Caruana.

Share With: