Stqarrija mill-MFA rigward linji gwida għar-ritorn tal-isport

L-MFA ħadet nota tad-dati u l-linji-gwida maħruġa mill-Gvern, nhar l-Erbgħa biex jitkompla l-isport li jinvolvi kuntatt.

Waqt li l-MFA laqgħet dawn l-iżviluppi pożittivi li se jkunu qed jiftħu l-bibien biex l-attivitajiet sportivi kollha jistgħu jitkomplew wara l-interruzzjonijiet mingħajr preċedent ikkawżati mill-pandemija tal-Covid-19, huwa pertinenti li wieħed jinnota li d-data tal-15 ta’ Lulju għar-ritorn ta’ sport kompetittiv tkompli ssaħħaħ id-deċiżjoni unanima meħuda mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA biex tittermina l-kompetizzjonijiet għall-istaġun 2019-20.

Kif spjegat f’diversi okkażjonijiet, il-UEFA tat żmien lill-Assoċjazzjonijiet Membri sal-25 ta’ Mejju, 2020, biex jikkomunikaw id-deċiżjoni tagħhom fuq it-tkomplija jew it-terminazzjoni tal-kompetizzjonijiet. S’issa, ma kien hemm l-ebda data uffiċjali allokata mill-Gvern jew mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, ta’ meta attivitajiet li jinvolvu sport ta’ kuntatt jistgħu jitkomplew. 

Barra minn hekk, id-data tal-15 ta’ Lulju għar-ritorn ta’ sport kompetittiv kien jagħmilha impossibbli biex jiġi finalizzat il-Kampjonat BOV Premier, bit-42 partita li kien fadal, u t-tliet logħbiet li kien fadal mill-FA Trophy, f’perjodu ta’ ħamest ijiem. Dan huwa minħabba l-fatt li l-UEFA kienet allokat id-data tal-20 ta’ Lulju bħala dik finali biex kull Assoċjazzjoni Membru tissottometti l-ismijiet tat-timijiet li se jkunu qed jikkompetu fir-rounds inizjali ta’ kwalifikazzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-clubs tal-UEFA għall-istagun 2020-21 fil-każ li l-kompetizzjonijiet domestiċi setgħu jitkomplew fiż-żmien stipulat.

Issa li d-dati u l-linji-gwida għar-ritorn tal-kompetizzjonijiet tal-isport li jinvolvi kuntatt ġew stabbiliti, l-MFA se tkun qed issaħħaħ il-preparazzjonijiet u l-pjani tagħha għall-istaġun 2020-21.

Dan filwqt li l-MFA permezz ta’ laqgħa tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali li saret permezz tal-video-conference iddiskutiet materji regolatorji waqt li l-laqgħa li jmiss tal-Kunsill hija skedata li ssir nhar it-Tnejn li gej.

Share With: