Studju fuq aircraft carrier Amerikan juri li l-maskri tal-wiċċ aktar effettivi mid-distanzi soċjali fil-protezzjoni kontra l-Coronavirus

Minn MELVIN FARRUGIA

F’nofs Jannar, l-aircraft carrier USS Theodore Roosevelt kien mibgħut fil-Punent tal-Paċifiku. Waqt li kien fuq il-missjoni tiegħu, diversi baħrin ġew infettati bil-Coronavirus u għalhekk fl-aħħar ta’ Marzu dan il-bastiment kellu jidħol fil-Port ta’ Guam. 

Xahar wara, dawn il-baħrin ġew investigati mill-Qawwa Navali Amerikana u miċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard u l-Prevenzjoni peress li matul dan il-perjodu kien stmat li ġew infettati mal-1,000 baħri. 

Mill-istudju li sar irriżulta li dawk il-baħrin li ħadu miżuri ta’ prevenzjoni kellhom rata aktar baxxa ta’ infezzjoni minn dawk li ma ħadu ebda miżuri. Fil-fatt, jirriżulta minn fost dawn il-baħrin li l-użu tal-maskri tal-wiċċ kienet l-aktar miżura preventiva effettiva, aktar mid-distanza soċjali u milli jevitaw l-użu ta’ żoni komuni. 

Skont l-istudju, dawk li libsu maskra. tal-wiċċ kellhom rata ta’ infezzjoni ta’ 55.8%, filwaqt li dawk li ma libsux maskra tal-wiċċ kellhom rata ta’ infezzjoni ta’ 80.8%. Dawk li evitaw żoni komuni kellhom rata ta’ infezzjoni ta’ 53.8%, filwaqt li dawk li ma evitawhomx kellhom rata ta’ infezzjoni ta’ 67.5%. Min-naħa l-oħra, dawk li żammew id-distanzi soċjali kellhom rata ta’ infezzjoni ta’ 54.7%, filwaqt li dawk li ma osservawx din il-miżura kellhom rata ta’ infezzjoni ta’ 70%. 

Share With: