Studju juri li qed tiżdied il-fiduċja tal-poplu aktar nies jemmnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se titjieb

Studju li sar bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju juri li l-kunfidenza fin-nies dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom qed tiżdied u inqas persuni qed iħossuhom inċerti bl-impatt tal-Covid19.

L-istudju fost 405 persuna sar bejn id-29 ta’ Mejju u l-5 ta’ Ġunju u r-riżultati tiegħu kienu ippreżentati fil-ĠEMMA, pjattaforma edukattiva fi ħdan il-Gvern li tifli l-mod kif il-pubbliku jħares lejn l-immaniġġjar tal-flus.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja kien wieħed minn dawk li intervjena waqt il-‘web seminar’ li matulu kien diskuss dan l-istħarriġ.

Huwa wkoll innota b’sodisfazzjon li kien hemm żieda żgħira fin-nies li qed iħossuhom aktar ottimisti dwar dak li għaddejjin minnu u aktar nies qed jemmnu li fil-futur qrib is-sitwazzjoni qed titjieb.

Bugeja irrefera għan-nuqqas ta’ nies li qed jaħsbu fil-pensjoni privata biex issaħħaħ dik li jieħdu mill-Istat u nsista li l-Gvern irid iżid l-inċentivi waqt li t-trade unions għandhom jibdew jinkludu l-pjan ta’ pensjoni fil-ftehim kollettiv.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU żied ukoll li għandu jiżdied anke l-għarfien tan-nies fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fejn huwa favur li l-istudenti jibdew jingħataw edukazzjoni fl-iskejjel ħalli jitilgħu kapaċi jibżgħu għal flushom.

David Spiteri Gingell, il-mexxej tat-tim ĠEMMA, osserva li l-istħarriġ juri li b’mod ġenerali hemmbidla għall-pożittiv fl-immaniġġjar tal-flus fid-dar bejn April u Mejju.

Huwa semma kif l-istħarriġ juri li aktar nies lesti jixtru affarijiet maġġuri milli jġemmgħu għall-impatt tal-Covid19 u hemm ukoll aktar nies li lesti jippjanaw għall-irtirar milli jipposponu l-fondi biex jindirizzaw l-impatt fuq il-flus li jirriżulta mill-Covid19.

Spiteri Gingell iddeskriva wkoll bħala “inkoraġġanti” il-fatt li dawk li rnexxielhom iġemmgħu fl-aħħar tliet xhur żdiedu minn 46% f’April għal 50% f’Mejju.

Huwa innota wkoll li l-affarijiet jidhru li qed jirritornaw għan-normal anke fejn jidħol l-impatt fuq il-finanzi f’każ ta’ emerġenza li naqas minn 42% f’April għal 40% f’Mejju.

L-ekonomista Frans Camilleri, konsulent għall-Ministeru tal-Familja Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali, osserva li r-riżultat tal-istħarriġ jikkonferma li d-dispożizzjoni tan-nies li jġemmgħu tkun ogħla meta l-futur ikun inċert.

Huwa innota li jidher li l-Maltin mhux jinkwetaw wisq hekk kif fil-bidu tal-pandemija kien hemm 50% li ma ġemmgħux li naqas għal 47% u dan jindika li bdew jonfqu.

Fuq nota differenti Camilleri semma kif għandna problema kbira fejn tidħol il-pensjoni għax huma 25% biss li qed jaħsbu għal suppliment finanzjarju u l-maġġoranza tidher li m’għandhix intenzjoni li tindirizza din is-sitwazzjoni.

Punti ewlenin mill-istħarriġ

Il-figuri tal-istudju juri li f’Mejju kien hemm 83% tal-pubbliku li kien jemmen li għandu kontroll fuq is-sitwazzjoni finanzjarja meta f’April li għadda l-figura kienet 82%.

Huma 44% li qalu li għandhom fondi biżżejjed biex iservu għal tliet xhur f’każ ta’ emerġenza li kien ifisser tnaqqis fuq is-47% reġistrati f’April.

Dawk li f’każ ta’ emerġenza għandhom fondi li jservuhom biss għal bejn xahrejn jew tlieta żdiedu minn 13% f’April għal 18% f’Mejju.

L-istħarriġ sab li f’Mejju kien hemm 9% li ħassew li s-sitwazzjoni tagħhom marret għall-agħar kontra t-12% tax-xahar ta’ qabel.

Dan waqt li n-numru ta’ dawk li ħassew li s-sitwazzjoni baqgħet l-istess żdied minn 53% għal 59%.

Mistoqsijin jekk jaħsbux li s-sitwazzjoni finanzjarja se titjiebx fit-tliet xhur li ġejjin kienu 19% li f’Mejju wieġbu iva meta f’April kienu 11%.

Dawk li wieġbu li ħassew li “issa” mhux il-waqt li jixtru affarijiet kbar żdiedu minn 16% għal 35% bejn April u Mejju.

Nofs il-parteċipanti f’Mejju stqarrew li kienu f’pożizzjoni li jġemmgħu matul l-aħħar tliet xhur meta f’April l-ammont kien 46%.

L-istudju sab li l-55% li f’April qalu li huma inkwetati dwar il-futur finanzjarju tagħhom baqgħu l-istess f’Mejju.

F’Mejju wkoll kienu 26% li qalu li għandhom pjan għall-pensjoni u beħsiebhom iżidu l-fond tal-irtirar fit-tliet xhur ta’ wara.

Fl-istess waqt in-numru ta’ persuni li qalu li għandhom għarfien fuq il-flus u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom żdied minn 26% f’April għal 42% f’Mejju.

Share With: