Titħabbar il-mewt ta’ Mario Corso

L-ex winger ta’ Inter, Mario Corso, miet fl-etá ta’ 78 sena. Din l-aħbar ġiet ikkonfermata mis-sit elettroniku uffiċjali ta’ Inter kmieni s-Sibt wara nofs in-nhar.

“Mario Corso ħalla din id-dinja! Ġentlom li kellu lil Inter għal qalbu  li kien champion ta’ veru u li kellu talent u klassi ta’ barra minn hawn,” kienet tgħid l-istqarrija li kompliet bil-kondoljanzi lill-familja ta’ dan il-player simbolu tan-Nerazzurri.

Mario Corso twieled fil-belt ta’ Milan, nhar il-25 ta’ Awwissu 1941, u lagħab ma’ Inter għal 16-il sena sħaħ bejn l-1957 u l-1973 fejn skorja 94 goal f’502 dehriet. Huwa kien magħruf għax-xutt b’saħħtu b’siequ x-xellugija.

Corso kien wieħed mill-aqwa players tal-era tal-coach Helenio Herrera u għenhom sabiex jirbħu b’mod konsekuttiv it-Tazzi Ewropej bejn l-1963 u l-1965.

Huwa ngħata d-debutt tiegħu ma’ Inter meta kellu biss 16-il sena u proprju sena wara kellu x-xorti jsib ix-xibka kontra Bologna biex sar wieħed mill-iżgħar skorers li qatt skorja meta kellu 17-il sena, 3 xhur u 5 ijiem.

Matul il-karriera tiegħu, Corso rebaħ erba’ darbiet is-Serie A Taljana u deher 23 darba mat-team nazzjonali Taljan.

Corso għalaq il-karriera tiegħu ma’ Genoa fejn lagħab 26 partita u skorja tliet goals sakemm fl-1975 iddeċieda li jdendel iż-żarbun tal-football għal kollox.

Fi snin riċenti huwa kien jaħdem ukoll bħala opinjonista mal-istazzjon Taljan RAI.

Diversi kienu dawk it-timijiet u individwi li sellmu l-memorja ta’ dan il-personaġġ li kiteb l-istorja ta’ Inter.

Share With: