Titressaq it-tielet persuna b’rabta mas-sejba ta’ aktar minn kilo ħaxixa tal-kannabis

Il-Pulizija ressqet fil-Qorti t-tielet persuna b’rabta mas-sejba ta’ aktar minn kilo ħaxixa tal-kannabis, maż-żewġ kili droga sintentika u ammont ta’ droga kokaina nhar il-25 ta’ April li għadda.

Dwar dan il-każ diġa’ kienu tressqu fil-Qorti żewġ persuni – l-aħwa Joseph u Analise Brignone – u ġew mixlija bi traffikar u ħasil ta’ flus. Illum il-Pulizija ressqet it-tielet persuna b’rabta ma’ dan il-każ – Jessica Medina ta’ 23 sena minn Ħaż-Żabbar – li tiġi s-sieħba ta’ Joseph Brignone.

Medina kienet mixlija li kellha fil-pussess tagħha d-droga kannabis, kokaina u l-mediċina psikotropika u ristretta, li nstabu f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tagħha. Hija kienet mixlija wkoll li kkommettiet dawn ir-reati f’distanza ta’ mitt metru mill-parametru ta’ skola, club, jew f’xi post simili fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Medina wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tagħha, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona kemm minħabba n-natura tal-akkużi li hija qed tiġi akkużata bihom kif ukoll minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Wara li semgħet lill-partijiet jitrattaw dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ċaħdet it-talba u ordnat li Medina tinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca. L-Avukat Marion Camilleri dehret għal Jessica Medina.

Share With: