Tliet ġuvintur arrestati b’rabta ma’ serqa minn stabbiliment fil-Belt

Tliet ġuvintur ġew arrestati b’rabta ma’ serqa minn stabbiliment fi Triq it-Teatru l-Antik, fil-Belt Valletta.

Kien ilbieraħ għall-ħabta tas-6.00 a.m. li sid il-ħanut mar fl-Għassa tal-Belt biex jirrapporta li kien għadu kif ġie misruq u li sab ix-shutter maqlugħ minn postu.

Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-cash register kienet żgassata u nsteraq ammont ta’ flus kontanti. Minn investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija tad-Distrett, ġew identifikati t-tliet żgħażagħ, ilkoll residenti l-Belt Valletta, li qed jiġu mitkellma mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.  

It-tliet żgħażagħ mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.  

Share With: