Tliet snin ħabs wara li ta bil-flixkun lil pulizija

Raġel li ta daqqa ta’ flixkun lil pulizija li mar jarresta lil ħuh kien ikkundannat tliet snin ħabs bil-maġistrat li iddeċieda l-każ iddeskriva l-inċident bħala wieħed “viljakk”.

Nicholas Farrugia kien mixli li fl-24 ta’ Ġunju 2011, fil-każin tal-banda magħruf bħala tal-Werqa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u anke quddiemu, ipprova jikkaġuna feriti gravi fuq is-Surġent Denniss Agius u l-Kuntistabbli Mario Caruana u Shaun Debono.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia rriżulta li fil-jum imsemmi l-Pulizija kienet imsejjħa biex tmur fil-klabb tal-boċċi ta’ Ħal Qormi għax kien hemm ġlieda.

Il-pulizija marru imma l-ġlieda kienet waqfet imma waqt li kienu fuq il-post ġew infurmati li kien hemm ġlieda oħra fil-każin tal-banda magħruf bħaal “ tal-Werqa” li fiha kien involut l-istess raġel.

Huma marru fuq il-post fejn sabu lil dan ir-raġel u arrestawh għalkemm kellhom jużaw il-manetti u l-‘pepper spray’ peress li kien qed ikun aggressiv magħhom.

Kien f’dan il-mument li feġġ Farrugia, ħu ir-raġel arrestat, li bi flixkun tal-ħġieġ ta daqqa fuq ras is-Surġent Agius tant li bil-ġrieħi li sofra kellu jittieħed l-isptar b’ambulanza. 

Il-Maġistrat Farrugia irrimarka li mill-provi li tressqu quddiemu jirriżulta li l-akkużat kien fis-sakra u attakka lill-pulizija qalb dagħa u għajjat u għalhekk sabu ħati.

Waqt li sabu ħati huwa għamilha ċara li kull att vjolenti li jseħħ kontra uffiċjali pubbliċi, speċjalment pulizija li jkunu marru sabiex jipproteġu nies innoċenti, għandu jsib il-qawwa tal-liġi u l-ġustizzja kontrih.

Kien hawn li iddeskriva l-attakk bil-flixkun fuq il-pulizija bħal wieħed viljakk u ikkundanna lil Farrugia għal piena ta’ tliet snin ħabs b’rabta ma’ dan il-każ li kien investigat mill-Ispetturi Joseph Agius u Anthony Cachia.

Share With: