Tobba Taljani jisħqu li l-coronavirus qed jgħib għal kollox fl-Italja

Il-virus tal-Covid-19 qed jgħib fl-Italja, b’uħud mit-tobba Taljani jissuġġerixxu li l-virus qed jitlef mis-saħħa tiegħu.

Alberto Zangrillo, li jmexxi l-Isptar San Raffaele f’Milan fir-reġjun tal-Lombardija, ilbieraħ f’kummenti fuq stazzjon televiżiv qal li “fir-realtà, il-virus klinikament m’għadux jeżisti fl-Italja”.

Zangrillo żied jgħid li “l-iswbs li ttieħdu matul dawn l-aħħar għaxart ijiem jindikaw preżenza żgħira tal-virus b’paragun mal-iswabs li ttieħdu xahar jew xahrejn ilu.”

Huwa żied iħeġġeġ lill-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte biex ikompli jtaffi mir-restrizzjonijiet ta’ lockdown, u qal li twissijiet dwar tieni mewġa ta’ infezzjonijiet qed joħolqu biża’ għalxejn fl-Italja.

“Jeħtieġ li nkunu mill-ġdid pajjiż normali,” huwa qal. “Jeħtieġ li xi ħadd jieħu responsabbiltà talli qed ibeżża’ lill-pajjiż.”

Matteo Bassetti, il-kap tal-infectious diseases clinic fl-isptar San Martino ta’ Genoa, qabel ma’ Zangrillo li l-coronavirus mhuwiex b’saħħtu daqs kemm kien.

“Is-saħħa li l-virus kellu xahrejn ilu mhijiex l-istess bħal dik li għandu llum,” qal Bassetti. “Huwa evidenti li llum il-virus tal-Covid-19 huwa differenti.”

L-Italja għandha fost l-aktar rati għoljin ta’ mwiet kaġun tal-virus. Madankollu n-numru ta’ każi ġodda niżlet minn madwar 6,500 f’Marzu għal madwar 300 fl-aħħar ta’ Mejju.

Intant Sandra Zampa, il-Ministru għas-Saħħa, qalet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza xjentifika li tappoġġja d-dikjarazzjonijiet tat-tobba u ħeġġet lill-poplu Taljan biex ikompli jsegwi l-linji gwida ta’ social distancing.

Il-Gvern immexxi minn Conte matul dawn l-aħħar ġimgħat taffa wħud mill-miżuri ta’ lockdown, liema miżuri ħallew effetti ekonomiċi kbar.

L-ivvjaġġar ġewwa u barra l-Italja mistenni li jerġa’ jkompli matul din il-ġimgħa, b’viżitaturi minn stati membri oħrajn fl-Unjoni Ewropea m’għadhomx meħtieġa jagħmlu ġimagħtejn f’iżolament.

Is-swali taċ-ċinema u t-teatri mistennijin li jiftħu aktar tard dan ix-xahar.

Share With: