Triplets tat-twelid jittestjaw pożittivi għall-COVID-19 fil-Messiku

Tlett itrabi li twieldu fil-Messiku ttestjaw pożittiv għall-virus Covid-19 f’dak li qiegħed ikun meqjus mill-awtoritajiet lokali bħala wieħed bla preċedent. 

L-esperti mediċi qegħdin jinvestigaw jekk dan il-virus għaddiex lejn dawn it-trabi meta dawn kienu fil-ġuf. Tnejn mit-trabi; tifel u tifla jinsabu f’kundizzjoni stabbli u qegħdin taħt osservazzjoni, iżda t-tifel l-ieħor qiegħed jingħata trattament respiratorju. 

Xjentisti qalu li dan il-każ jista’ jagħti għarfien ġdid dwar kif dan il-virus qiegħed ikun trażmess. Madwar id-dinja kien numru żgħir ħafna ta’ trabi li laqqtu l-virus wara t-twelid, iżda l-uffiċjali tas-saħħa qed jemmnu li dan huwa każ differenti.

Is-Segretarja tas-Saħħa tal-Messiku Mónica Liliana Rangel Martínez, f’kummenti li tat lill-midja qalet li, “huwa impossibbli li t-trabi ġew infettati waqt il-mument tat-twelid.” Minkejja dan, il-ġenituri tat-trabi qegħdin ukoll ikunu ttestjati, b’uħud mill-esperti mediċi jgħidu li jista’ jkun li dawn kienu infettati iżda bla sintomi. 

Dawn it-trabi kienu twieldu qabel iż-żmien fis-17 ta’ Ġunju li għadda, iżda d-dettalji dwarhom ħarġu f’dawn l-aħħar sigħat. Fil-Messiku kien hemm iktar minn 185,000 każ ta’ infezzjoni u minnhom kien hemm 22,584 fatalità. L-ewwel każ kien feġġ fit-28 ta’ Frar li għadda. 

Share With: