Ungeriża ssofri ġrieħi gravi wara argument jaħraq bejn tliet persuni f’San Pawl il-Baħar

Mara mill-Ungerija ta’ 45 sena residenti San Pawl il-Baħar, kellha tittieħed l-Isptar Mater Dei, wara li kienet involuta f’argument f’San Pawl il-Baħar. 

L-argument seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu għall-ħabta tal-kwarta, bil-Pulizija tiġi infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’residenza fi Triq il-Majjiera, minħabba li kien seħħ xi argument bejn xi persuni. 

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn sabu mara ta’ 45 sena li kellha xi ġrieħi viżibbli. Minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 43 sena mill-Islovakja u l-mara ta’ 45 sena mill-Ungerija kellhom argument ma’ raġel ta’ 26 sena mill-Maċedonja. Huma kollha jirrisjedu f’San Pawl il-Baħar. Ir-raġel ta’ 26 sena tefa’ oġġett iebes lejn iż-żewġ persuni l-oħra u laqat lill-mara.

Ir-raġel ta’ 26 sena ttieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana għal aktar stħarriġ. Aktar tard il-mara ta’ 45 sena ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Share With: