Valencia jkeċċu l-coach … u jirriżenja d-direttur sportiv

Valencia keċċew lill-coach, Albert Celades, wara biss disa’ xhur fit-tmexxija meta kien ħa post Marcelino, filwaqt li d-direttur sportiv, Cesar Sanchez, irriżenja. Voro Gonzalez se jmexxi lit-team sal-aħħar tal-istaġun, f’dik li se tkun is-sitt esperjenza tiegħu bħala coach temporanju tal-club.

Huwa kien mexxa liI Valencia għall-ewwel darba fl-2008 wara li kien tkeċċa Ronald Koeman u kien għen lil Valencia jevitaw ir-relegazzjoni.

Ta’ nota huwa l-fatt li b’hekk Celades sar is-sitt coach li tilef postu minn meta l-biljunarju minn Singapore, Peter Lim, xtara l-club fl-2014. L-instabbiltá fil-club ta’ Valencia tkompli tiġi riflessa fil-fatt Sanchez kien inħatar fil-kariga ta’ direttur sportiv biss f’Jannar li għadda.

Dan tal-aħħar irriżenja ftit wara t-tkeċċija ta’ Celades, hekk kif ftit qabel kien qal lill-iskwadra li l-coach kien se jkun għadu fit-tmexxija għall-konfront tal-lum kontra Athletic Bilbao. Valencia bħalissa jinsabu fi kriżi minn kull lat hekk kif anke f’dak li għandu x’jaqsam klassifika huma jisnabu biss fit-tmien post fil-kampjonat La Liga wara li tilfu tlieta mill-aħħar erba’ logħbiet.

Share With: