Venda ġdida għat-trasport pubbliku fil-lokalità ta’ Marsaskala

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-lokalità ta’ Marsaskala flimkien mat-tmexxija ta’ Transport Malta u rappreżentanti mill-kunsill lokali biex jaraw ix-xogħol li sar fuq venda ġdida għall-passiġġieri tat-trasport pubbliku.

Din il-venda, li tinsab fi Triq Sant’Antnin, taqdi 7 rotot differenti u jgħaddu minnha 10 vjaġġi fis-siegħa. Fl-2019 biss, telgħu aktar minn 530,000 passiġġier minn din il-venda.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-gvern għaddej b’upgrade nazzjonali tal-infrastruttura u dan jinkludi l-infrastruttura għas-servizz tat-trasport pubbliku wkoll. F’dawn l-aħħar snin, Transport Malta amministrat it-twaħħil ta’ 30 bus shelter ġdid madwar il-pajjiż u qed naraw li kollha jkunu tal-ogħla kwalità. Sadanittant għaddejjin ukoll b’interventi oħrajn bħal waqfiet aktar siguri fil-proġetti l-kbar u għandna pjanat proġett ta’ riġenerazzjoni għas-subway pedonali ta’ viċin Bieb il-Bombi.”

Il-Ministru Borg spjega li din il-venda ta’ Marsaskala issa hija attrezzata b’materjali li jifilħu għall-klima tagħna, aċċessibbli għal kulħadd u li se tkun tista’ takkomoda sa 25 persuna bilqiegħda.

“Dan huwa parti mill-impenn tagħna bħala gvern, li naraw li għalkemm ikollna kwantità ta’ proġetti, l-ewwel u qabel kollox inpoġġu l-kwalità. Is-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna għamel qabżiet kbar f’dawn l-aħħar snin, kemm fil-kwalità kif ukoll fl-użu. Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena rajna żidiet ta’ 16.6% u ta’ 21.8% fl-użu fuq l-istess xhur tas-sena l-oħra. Illum, wara li bdejna bilmod nirrilaxxaw il-miżuri, qed naraw medja ta’ 35,000 passiġġier iżjed kuljum meta kkumparat ma’ April. Se nkomplu naħdmu għall-poplu u se nkomplu naħdmu id f’id mal-gvern lokali tagħna biex inkomplu nwasslu aktar u aktar titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin kollha,” għalaq il-Ministru Ian Borg.

Il-proġett ta’ din il-venda jlaħħaq investiment ta’ aktar minn €260,000 maqsuma bejn Transport Malta u l-kuntrattur li rebaħ it-tender. Parti mis-saqaf tal-venda ma jgħaddi l-ebda dawl minnu biex joffri dell massimu filwaqt li l-bqija tas-saqaf joffri aktar minn 99% protezzjoni mill-UV. Il-pavimentar sar apposta biex ikun aċċessibbli għal persuni li huma nieqsa mid-dawl u d-disinn tal-venda jtejjeb is-sigurtà għal min jitla’ u jinżel mill-vetturi tal-linja. Fost il-faċilitajiet ta’ din il-venda, l-utenti se jkollhom aċċess għal Wi-Fi b’xejn u vending machines.

Share With: