Viċin li jkun implimentat 76% tal-manifest elettorali

Fl-ewwel tliet snin tat-tieni leġislatura ta’ Gvern Laburista, twettqu xejn inqas minn 312-il proposta, jew 43%, li kienu mwiegħda fil-manifest elettorali tal-2017, minn total ta’ 772 miżura. Fil-frattemp, hemm 242 proposta oħra (33.5%) li x-xogħol fuqhom jinsab fi stadju avvanzat waqt li 168 proposta (23%) bdew jitwettqu iżda l-implimentazzjoni fuqhom għadha inqas minn 50%. 

Ħabbar dan il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela f’konferenza tal-aħbarijiet f’għeluq it-tielet anniversarju minn meta l-poplu Malti u Għawdxi bil-vot tiegħu għażel mill-ġdid lill-Gvern Laburista biex imexxi lil dan il-pajjiż. 

Il-Ministru Abela spjega kif il-manifest elettorali ta’ dan il-gvern ma wassalx biex sal-elezzjoni elettorali iżda hekk kif intrebħet kull elezzjoni, nbeda x-xogħol biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu.

“Dan huwa Gvern rinomat li wettaq il-wegħdiet tiegħu. L-impenn tagħna hu li nwettqu dak kollu li wegħedna lill-elettorat qabel kull elezzjoni. Lil hinn minn hekk lill-elettorat inżommuh infurmat u aġġornat b’dak li nkunu qed inwettqu u safejn inkunu wasalna,” qal il-Ministru Abela.

Huwa spjega kif “bejn Jannar u Mejju 2020, ir-rata ta’ twettiq żdiedet bi 8%. Il-persentaġġ ta’ 76% ikopri l-għadd tal-miżuri li twettqu għalkollox kif ukoll ix-xogħol li diġa’ sar fuq il-bqija tal-miżuri.”

Huwa stqarr li l-benefiċċji minn dawn il-miżuri diġa’ qed jinħassu mill-pubbliku u ta elenku tad-diversi miżuri li ġew mwettqa. Fost dawn hemm il-firxa fuq it-tnaqqis tat-taxxa fuq is-sahra u l-eżenzjoni mit-taxxa lill-istudenti li jagħmlu l-Masters jew Dottorat.

Il-Ministru Abela żied jgħid li: “rajna li anke dawk li jaħdmu għal rashom jirċievu l-benefiċċji soċjali. Permezz ta’ ftehim mas-sħab soċjali żidn l-paga minima u għamiliha mhux taxxabbli. Tajna rifużjoni tat-taxxa lill-ħaddiema kollha. Żidna l-pensjoni tal-irtirar għall-ewwel darba f’aktar min 20 sena.”

Barra minn hekk, issaħħew l-inċentivi għal min jixtri l-ewwel dar tiegħu u anke għal min jixtri t-tieni dar, għaddiet il-liġi tal-kera li hija ekwa u tirregola l-kirjiet, qed jinbnew mal-1,700 appartament ġdid għal min għandu bżonn akkomodazzjoni soċjali u qed isir xogħol ta’ tisbiħ u installazzjoni ta’ liftijiet fl-oqsma tad-djar tal-Gvern. 

Huwa semma wkoll kif twaqqfet Infrastruttura Malta fejn qed jiġu nvestiti €700 miljun biex jinbnew u jiġu rranġati t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex f’temp ta’ 7 snin.  Fil-qasam edukattiv ġie ffirmat ftehim kollettiv mal-edukaturi, l-istudenti ngħataw trasport b’xejn u l-eżamijiet tal-Matsec u s-SEC saru bla ħlas. Dan filwaqt li lill-ġenituri tnaqqasnilhom l-ispiża tal-uniformi. 

Fis-settur tas-saħħa, il-Ministru Abela nnota kif is-servizz tas-saħħa, li hu fost l-aqwa fid-dinja, baqa’ b’xejn. Ittejbet il-kura tal-mard tal-qalb, żdiedu l-mediċini b’xejn kif ukoll is-servizzi fil-komunità.

F’Għawdex kien hemm il-ftuħ tad-depot għall-bdiewa, il-ftuħ tal-iskola tal-mediċina prestiġġjuża ta’ Barts u nbeda x-xogħol preparatorju għall-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex. 

Issaħħu wkoll il-korpi dixxiplinati b’reklutaġġi u investiment b’saħħtu f’tagħmir modern. Tkabbar l-użu tat-teknoloġija fil-Qrati u qed isir xogħol biex isir trasferiment tad-dipartiment tal-kondotti mill-pulizija għall-ġustizzja.

Daħlet ukoll il-liġi ta’ żwieġ indaqs u ngħata d-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ sittax-il sena. Sar xogħol ukoll fejn tpoġġew ħatriet għolja fil-pajjiż taħt skrutinju biex b’hekk tkun imħarsa s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Share With: