WHO: jistgħu jmutu miljuni ta’ persuni jekk ikollna t-tieni mewġa minħabba temperaturi aktar baxxi f’Settembru

Minn MELVIN FARRUGIA

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa lbieraħ wissiet li jistgħu jmutu miljuni ta’ persuni madwar id-dinja jekk ikollna t-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet bil-Coronavirus. 

L-assistent direttur ġenerali għall-inizjattivi strateġiċi tal-WHO, it-tabib Ranieri Guerra qal li l-pandemija nfirxet bħala l-uffiċjali tas-saħħa kienu antiċipaw. Filwaqt li qabbel il-COVID-19 mal-iSpanish Flu ta’ aktar minn 100 sena ilu, Guerra qal li dik il-pandemija kienet kompliet bis-saħħa f’Settembru u Ottubru, meta t-temperaturi reġgħu niżlu. 

Hu spjega dan anke fuq l-istazzjon Taljan Rai fejn qal li t-tieni mewġa tal-Ispanish Flu qatlet aktar minn 50 miljun persuna. 

It-twissija tiegħu ġiet ukoll imwassla mill-Kap tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde li lbieraħ qalet li jista’ jkun hemm it-tieni mewġa severa jekk inħarsu lejn dak li ġara fil-każ tal-iSpanish Flu. 

Intant, wieħed mill-aqwa esperti tal-Gvern Amerikan dwar il-mard infettiv, Anthony Fauci qal li għadu kmieni biex niddiskutu t-tieni mewġa, meta l-Istati Uniti għadhom lanqas ħarġu mill-ewwel waħda fejn mietu aktar minn 120,000 persuna u aktar minn 2.3 miljun Amerikan għandhom l-infezzjoni. 

Ta’ min isemmi wkoll li l-WHO wissiet il-Ħamis li l-Ewropa għadha mhix ħielsa mill-COVID-19 u tat lista ta’ 11-il pajjiż li qegħdin jaraw żieda sinjifikanti li tista’ tagħmel pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa tagħhom. Madankollu, ilbieraħ l-Iżvezja ħarġet tattakka lill-WHO li għamlet żball meta poġġietha f’din il-lista flimkien ma’ għaxar pajjiżi oħra li huma ifqar minnha u li ħafna minnhom huma mil-Lvant tal-Ewropa jew min-nofs tal-Ażja. 

Share With: