Xjentisti jgħidu li t-tixrid tal-Coronavirus jista’ jkun staġjonali u f’perjodu b’umdità baxxa

Minn MELVIN FARRUGIA

Studju ppubblikat fil-ġurnal Transboundary and Emerging Diseases evalwa r-relazzjoni bejn il-klima u l-COVID-19 fin-nofsinhar tad-dinja. 

Il-ko-awtur tal-istudju, Michael Ward, li hu epidemologu mill-Università ta’ Sydney fl-Awstralja qal li l-COVID-19 aktarx li hi marda staġjonali li terġa’ titfaċċa f’perjodu fejn ikun hemm umdità baxxa. Saħaq li hemm bżonn nibdew naħsbu li meta jkun żmien ix-xitwa, allura jista’ jkun żmien il-COVID-19.  

Madankollu, ix-xjentisti kitbu fi stqarrija li jridu jsiru aktar studji, fosthom uħud matul ix-xitwa u fin-nofsinhar tad-dinja, biex jiġi validat dan il-ħsieb u biex tiġi spjegata kif taħdem din ir-relazzjoni. Barra minn hekk, huma qal li s’issa għadhom ma jafux kemm l-umdità twassal għal żieda fil-każi ta’ COVID-19. 

Filwaqt li kkwotaw anke studji oħra li saru qabel, ir-riċerkaturi qalu li l-konnessjoni bejn il-klima u l-eżistenza ta’ każi ta’ SARS-CoV f’Hong Kong u fiċ-Ċina, waqt il-pandemija ta’ bejn l-2002 u l-2003, u każi ta’ MERS-CoV fl-Arabja Sawdija hi magħrufa.  

Qalu li studju riċenti dwar it-tixrid tal-COVID-19 fiċ-Ċina wkoll sab li kien hemm assoċjazzjoni bejn it-trażmissjoni u t-temperatura u l-umdità relattiva. 

Għaldaqstant, Ward spjega li huma interessati jaraw jekk l-assoċjazzjoni bejn il-każi ta’ COVID-19 u l-klima kinitx differenti fl-Awstralja fl-aħħar tas-sajf u kmieni fil-ħarifa, peress li l-pandemija fiċ-Ċina, fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq seħħet fix-xitwa.

Skont ir-riċerkaturi, l-umdità baxxa hi l-kawża prinċipali, aktar milli t-temperaturi kesħin. Għalhekk jgħidu li jista’ jiżdied ir-riskju fix-xitwa, meta jkun hemm tnaqqis fl-umdità. 

Madankollu, jistqarru li fit-Tramuntana tad-dinja, f’żoni fejn l-umdità hi aktar baxxa jew matul perjodi fejn l-umdità tonqos, jaf ikun hemm riskju anke waqt ix-xhur tas-sajf u allura trid tibqa’ ssir viġilanza. 

Ward qal li hemm raġunijiet bioloġiċi għalxiex l-umità taffettwa fit-trażmissjoni ta’ viruses mill-arja. Spjega li meta l-umdità tkun aktar baxxa, l-arja tkun aktar niexfa u għalhekk il-partiċelli fl-ajra (aerosols) jkunu iżgħar. Għalhekk jgħid li meta tisgħol jew tagħtas, dawk il-partiċelli infettivi jistgħu jdumu aktar sospiżi fl-arja u dan iżid kemm ikun hemm nies esposti. Min-naħa l-oħra, spjega li meta l-ajra tkun umduża, il-partiċpelli jkunu akbar u itqal u allura jaqgħu malajr. 

Fl-istudju kurrenti, Ward u t-tim tiegħu studjaw 749 każ ta’ COVID-19, l-aktar minn New South Wales. Fl-istudju, huma qabblu lill-pazjenti mat-temp ta’ fejn jgħixu u studjaw ix-xita, it-temperaturi u l-umdità fil-perjodu meta seħħew il-każi. 

Fl-analiżi, ix-xjentisti sabu li l-umdità aktar baxxa kienet assoċjata ma’ żieda fil-każi. Fil-fatt, waslu għall-konklużjoni li tnaqqis ta’ 1% fl-umdità wasslet għaż-żieda ta’ 6% tal-każi ta’ COVID-19. 

Share With: