Żewġ terzi tal-proprjetajiet reklamati għall-bejgħ jonqsu fil-prezz matul il-pandemija

Aktar minn żewġ terzi tal-proprjetajiet reklamati għall-bejgħ li nbidlu fil-prezz fl-ewwel kwart tal-2020 raw tnaqqis fil-prezz mitlub hekk kif faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, skont rapport ġdid ta’ analiżi fil-fond dwar is-suq Malti.

Dan ir-rapport, li ġie kkompilat minn Djar u EY Malta, sab li 69 fil-mija ta’ dawn il-proprjetajiet kienu reklamati b’valur aktar baxx fl-ewwel kwart tal-2020 meta mqabbel mal-aħħar kwart tal-2019; qabża notevoli minn 35.5 fil-mija fl-2017-2018, u 38.5 fil-mija fl-2018-2019.

Keith Galdies, CTO ta’ Djar, qal: “Din ix-xejra ’l isfel bdiet fl-aħħar kwart tal-2019 – dovuta għal tibdil fil-ħtiġijiet, żieda fil-provvista, u inċertezza politika fit-tul li għamlet ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta mal-investituri barranin – kompliet taggrava minħabba l-coronavirus.”

Interessanti li wieħed jinnota li, filwaqt li l-Madliena (-1.05 fil-mija), l-Isla (-1.03 fil-mija) u l-Belt Valletta (-0.76 fil-mija) kellhom l-akbar tnaqqis matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena, proprjetajiet f’Għawdex – li hu meqjus bħala reġjun għall-finijiet ta’ dan l-istudju – kollox ma’ kollox raw żieda żgħira fil-prezzijiet ta’ 0.2 fil-mija meta mqabbel mal-aħħar kwart tal-2019.

Is-suq tal-proprjetà immobbli kien wieħed mill-aktar setturi li ntlaqtu ħażin, u kien ikkaratterizzat minn żjarat ta’ xerrejja prospettivi kkanċellati minħabba d-distanzjar soċjali, biża’ u restrizzjonijiet tal-moviment; nuqqas ta’ ħeġġa minn investituri biex jiffinalizzaw it-tranżazzjonijiet; u d-diffikultà biex jinkiseb self hekk kif il-banek irtiraw diversi sanction letters li kienu ġew approvati.

L-aħħar informazzjoni tindika l-ewwel sinjali ta’ pawża f’dik li hi żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà u tnaqqis tal-provvista ta’ proprjetajiet fis-suq, u filwaqt li l-impatt sħiħ tal-pandemija se jkompli jiġi analizzat fir-rapport li jmiss ta’ Djar, ħarsa ħafifa lejn it-tieni kwart tal-2020 tikkonferma din ix-xejra negattiva.

“Kampjun tal-proprjetajiet li bidlu l-prezz bejn l-ewwel u t-tieni kwart tas-sena qed juri li 61 fil-mija baxxew il-prezz mitlub, li jindika b’mod ċar l-inklinazzjoni tal-vendituri li jsibu l-bejgħ tal-proprjetà tagħhom aktar malajr.”

Il-prezzijiet minfuħa tal-aħħar tliet snin fissru li l-proprjetajiet idumu aktar ma jinbiegħu, b’postijiet ta’ abitazzjoni li qed idumu fis-suq għal medja ta’ xejn inqas minn 370 ġurnata; ’il fuq minn sena.

Dan ir-rapport, li jiffoka fuq il-mod kif il-virus sfratta ċ-ċiklu tal-ħajja tas-suq tal-proprjetà immobbli, mhuwiex ħlief ritratt tad-data li hemm disponibbli fuq il-pjattaforma ta’ Djar, li ilha sa minn Jannar 2017 tiġbor għexur ta’ eluf ta’ entraturi f’listi bbażati fuq l-internet, sabiex tikseb għall-ewwel darba veduta komprensiva tas-suq tal-proprjetà f’Malta.

Dan l-istudju hu uniku fis-sens li, b’differenza mill-figuri rilaxxati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Bank Ċentrali ta’ Malta, Djar għandha t-teknoloġija biex tipprovdi l-aktar data riċenti dwar dak li jkun qed jiġri fis-suq tal-proprjetà immobbli, saħansitra aġġornata sal-ġurnata ta’ qabel.

“Dan ir-rapport, li juża metodi ta’ apprendiment awtomatiku u kontroverifika manwali biex tiżdied il-preċiżjoni, huwa biss wieħed mill-ħafna li se nkunu qed nirrilaxxaw fix-xhur li ġejjin biex inressqu s-suq lejn aktar trasparenza. Irridu li kemm ix-xerrejja kif ukoll il-vendituri jkollhom veduta sħiħa tal-aħħar ċaqliq fis-suq biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata,” qal is-Sur Galdies.

Ħarsa aktar mill-qrib lejn il-figuri kkompilati minn Djar turi li r-reġjun tat-Tramuntana tal-Port il-Kbir – Birkirkara, Gżira, Tal-Pietà, San Ġiljan u Tas-Sliema – għandu l-akbar provvista b’madwar 17,200 proprjetà fil-lista tas-suq.

Fl-istess ħin dawn il-proprjetajiet għandhom l-ogħla prezz għal kull metru kwadru, kemm għad-djar, li jinbiegħu għal madwar €3,200 kull metru kwadru, kif ukoll appartamenti li kapaċi jġibu €3,000 kull metru kwadru.

L-aktar provvista baxxa ta’ proprjetajiet hija fil-Punent – Ħ’Attard, ir-Rabat, Ħal Lija, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ – fejn hemm biss 4,500 proprjetà disponibbli għall-bejgħ.

Share With: