20,000 passiġġier f’Malta fl-ewwel ġimgħa … L-akbar influss ta’ passiġġieri kien reġistrat mill-Italja u l-Ġermanja

Miktub minn CLAUDIO COLEIRO

Fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ tal-ajruport u l-port għall-ivvjaġġar kien hemm ‘il fuq minn 220 titjira minn u lejn Malta kif ukoll 11-il vjaġġ bil-katamaran, li b’kollox ġarrew ‘il fuq minn 20,000 passiġġier. Bin-numru limitat ta’ destinazzjonijiet miftuħa, l-akbar influss kien reġistrat mill-Italja u mill-Ġermanja, tnejn fost l-akbar swieq għal pajjiżna.  

F’kummenti li tat lil dan il-ġurnal, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, qalet li b’mod ġenerali n-numru ta’ viżitaturi reġistrati f’dawn l-ewwel jiem kienu kif mistennija u skont il-previżjonijiet tal-linji tal-ajru u l-awtoritajiet tal-ajruport u l-port.

Hija ddeskriviet l-ammont ta’ passiġġieri li ġew pajjiżna fl-ewwel ġimgħa bħala inkoraġġanti minkejja li s-sitwazzjoni internazzjonali għadha waħda imprevedibbli għall-aħħar. 

“It-titjiriet lejn pajjiżna qed jiżdiedu progressivament u meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi straordinarji li għaddejjin minnhom, id-domanda għal Malta tista’ titqies bħala waħda tajba.”

“Kif rappurtat fil-midja internazzjonali hemm inċertezza kbira fil-pajjiżi barranin, kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll fis-sitwazzjoni soċjali u tas-saħħa. F’dan il-kuntest, it-turiżmu globali qed isofri minn imprevidibilità bla preċedent,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli li żiedet tispjega kif l-ewwel swieq li nfetħu kienu dawk fejn kienu stabbiliti kurituri ta’ sigurtà magħhom. 

Hija temmet tgħid li: “aħna kommessi li nkomplu naħdmu biex insostnu din l-industrija ta’ importanza ewlenija għal pajjiżna billi nieħdu kull opportunità biex inkabbru n-numru ta’ konnessjonijiet u viżitaturi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.” 

Share With: