Liverpool jersqu lejn Man Utd bħala l-aktar club ta’ valur fl-Ingilterra

Liverpool qed jersqu viċin tar-rivali Manchester United bħala l-aktar club ta’ valur fl-Ingilterra wara t-trijonf tal-Premier League. Dan skond l-aħħar edizzjoni tal-Brand Finance Football Annual.

Ir-Reds jinsabu fir-raba’ post fir-rankings mondjali, bil-valur tagħhom jitla’ b’6% għal £1.143 biljun (€1.262 biljun), £47 miljun wara Manchester United li għandhom valur ta’ £1.190 biljun – li tirrapreżenta tnaqqis ta’ £143 miljun fuq is-sena ta’ qabel li jfisser li issa waqgħu fit-tielet post tar-rankings.

Madankollu, dawn iż-żewġ clubs għadhom lura mill-ġganti Spanjoli Real Madrid u Barcelona, bil-Galacticos għadhom jokkupaw l-ewwel post għalkemm għamlu telf ta’ kważi 14%, bil-kriżi tal-coronavirus tkun il-kawża ewlenija li l-valur tal-aqwa 50 club fid-dinja naqas għall-ewwel darba f’sitt snin.

Il-Brand Finance Review juri li Real Madrid jinsabu fl-ewwel post bil-valur totali tal-club huwa dak ta’ £1.286 biljun (€1.419 biljun). Dan għalkemm huma sofrew tnaqqis fil-valur ta’ xejn inqas minn £205 miljun. 

Sadanittant, il-valur ta’ Barcelona żdied b’1.4% li jfisser li issa hemm distakk ta’ £5.4 miljun (€6 miljun) bejn iż-żewġ clubs Spanjoli fil-quċċata tar-rankings mondjali – bil-valur totali tal-Katalani jkun dak ta’ £1.280 biljun (€1.413 biljun).  

Kollox ma’ kollox fost l-aqwa 10 clubs hemm sitt timijiet Ingliżi, b’Manchester City jinsabu fil-ħames post, wara tnaqqis ta’ 10.4% (total ta’ £118 miljun) fil-valutazzjoni tagħhom għal £1.018 biljun (€1.124 biljun).

Chelsea waqgħu post biex issa jinsabu fit-tmien post, bil-valur tagħhom jonqos għar-raba’ sena konsekuttiva, b’Tottenham jinsabu fid-disa’ post eżatt qabel Arsenal b’valur ta’ £58.9 miljun (€65 miljun), li jinsabu fl-għaxar post. 

Il-Gunners b’mod partikolari raw tnaqqis kbir fil-valur tagħhom, bi tnaqqis ta’ £150 miljun rappreżentat fi 18.18% fuq il-valutazzjoni tagħhom fl-2019.

Spurs kellhom 3% żieda fil-valur tagħhom, l-aktar minħabba l-ftuħ tal-istadium il-ġdid tagħhom b’kapaċitá ta’ 60,000 spettatur li sewa £1 biljun.

Iċ-champions tal-Bundesliga Bayern Munixh huma l-uniku team Ġermaniż fl-ewwel 10 hekk kif jinsabu fis-sitt post tar-rankings, waqt li PSG jinsabu jokkupaw is-seba’ post.

Forsi, b’mod sorprendenti, m’hemm l-ebda club Taljan fl-ewwel 10, b’Juventus jinsabu fil-11-il post, Inter fl-14-il post u AC Milan biss fit-22 post.

Ir-runners-up tal-Bundesliga, Borussia Dortmund, jinsabu fit-12-il post, Atletico Madrid jinsabu post warajhom fit-13-il post, waqt li l-kwarti-finalisti taċ-Champions League, Red Bull Leipzig, jikkompletaw l-ewwel 15-il post.

Clubs oħra mill-Premier League fl-Ingilterra esperjenzaw żidiet kbar fil-valutazzjoni tagħhom, b’Leicester City jirreġistraw żieda ta’ 44% għal £301 miljun (€333 miljun) bħala riżultat ta’ staġun fl-ogħla postijiet tal-klassifika, għalkemm huma naqsu milli jiksbu post fiċ-Champions League għal ftit, nhar il-Ħadd li għadda.

Wolves, li spiċċaw fis-seba’ post tal-klassifika u għadhom jikkompetu fl-Europa League, ukoll irreġistrat żieda ta’ 30% fuq l-2019, bil-valutazzjoni tagħhom issa hija dik ta’ £219 miljun (€242 miljun). 

Xi clubs li jimmilitaw fil-Premier League iżda esperjenzaw tnaqqis sostanzjali fil-valur tagħhom, fosthom Bournemouth (-31%), Watford (-21%), u West Ham United (-18%).

Kollox ma’ kollox l-effett tal-COVID-19 fuq it-tliet għejjun tad-dħul ewlenin għall-clubs – gate money, trażmissjonijiet ta’ logħob u materji kummerċjali – ra total ta’ £680 miljun (€751 miljun), jew 3.7%, imnaqqsa mill-valur akkumulattiv tal-aqwa 50 club tal-football fid-dinja.

Share With: