220 membru fi ħdan l-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome f’Malta

Minn MARIA AZZOPARDI

Iċ-Chairperson tal-Assoċjazzjoni tisħaq li għandna nitrattaw persuni bid-Down Syndrome bħal kull persuna oħra u mhux nibżgħu kif se nkellmuhom

Sal-lum il-ġurnata l-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome f’Malta għandha 220 membru b’età mit-twelid sa anzjani.  Minkejja li din l-assoċjazzjoni ma toffrix servizzi, hija toffri sapport u attivitajiet biex jgħinu lil membri tagħha jsiru aktar indipendenti biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

inewsmalta tkellmet maċ-Chairperson tal-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome f’Malta Joeanna Xerri dwar l-irwol tagħha. Huwa fatt li l-għarfien u l-kuxjenza żdiedet matul dawn l-aħħar snin u Xerri qalet li fortunatament mxejna passi ‘l quddiem pero għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Hija qalet li l-akbar sfida li rridu ngħelbu hija li s-soċjetà trid tagħraf l-abilitajiet tal-persuni b’diżabilità inġenerali, fiżika u intelletwali. Xerri żiedet tgħid, “Meta nerbħu din l-isfida biss, persuni b’diżabilità intelletwali bħalma hija dik tal-kundizzjoni Down syndrome jistgħu jgħixu ħajja dinjituża biċ-ċans li jgħixu ħajja indipendenti bl-għajnuna ta’ assistenza personali.”

“Aħna naraw il-persuna u mhux il-kundizzjoni”

Xerri qalet li persuna bil-kundizzjoni Down syndrome hija individwu bħal kull wieħed u waħda minna. “Aħna naraw il-persuna u mhux il-kundizzjoni. Għalhekk l-akbar lezzjoni li ħadna hija li kull individwu għandu l-abilitajiet tiegħu u għandna napprezzawhom. Dan l-irwol jagħtini diversi sodisfazzjonijiet imma l-akbar wieħed huwa meta tara koppji li għadhom kif kellhom tarbija b’din il-kundizzjoni jirrealizzaw li uliedhom ma għandhom xejn inqas minn tfal oħra u li jħobbuhom inkondizzjonalment. Esperjenzi li ngħożż ħafna huma attivitajiet fejn ngħixu ġranet flimkien u nara l-għaqda bejn il-membri tagħna u fejn ma jafx wieħed jgħin lil ieħor,” qalet Xerri.

“Il-Covid-19 kienet ta’ detriment għall-persuni b’din il-kundizzjoni”

Mistoqsija jekk taħsibx li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 ħalliet effett fuq il-persuni bi bżonnijiet speċjali b’mod psikoloġiku hija qalet li sfortunatament dan huwa l-każ għax il-Covid-10 kien ħafna ta’ detriment għall-persuni b’din il-kundizzjoni bħal kulħadd u aktar. “Sitwazzjoni li bidlet il-ħajja mil-lejl ghan-nhar. Sitwazzjoni ġdida li sakemm tghallmu jgħixu fiha ħadet il-ġimgħat u x-xhur u issa jridu jerġgħu jbiddlu dak kollu li kienu għadhom kif jitgħallmu jew qed jitgħallmu,” qalet Xerri.

Tendenza li s-soċjetà titratta persuni b’din il-kundizzjoni qishom tfal żgħar

Iċ-Chairperson tal-Assoċjazzjoni qalet li hemm it-tendenza li s-socjetà titratta persuni b’din il-kundizzjoni qishom tfal żgħar anke jekk dawn għandhom tlettin sena u aktar. Hija qalet li tifhem li forsi min ma jkollux esperjenza ta’ din il-kundizzjoni jaħseb li jrid iġib ruħu b’dan il-mod, “iżda kif ilna nagħmlu għarfien tul dawn is-snin, persuni li b’din il-kundizzjoni għandhom l-istess emozzjonijiet, personalità, kreattività, immaġinazzjoni u ambizzjonijiet bħal kulħadd.”

Għal din ir-raġuni, Xerri temmen li l-akbar pass ‘il quddiem biex dawn il-persuni jintegraw fis-soċjetà huwa sempliċi immens, u ċioe li jiġu ttrattati bħal kull persuna oħra u mhux nibżgħu kif se inkellmuhom u kif naġixxu magħhom. 

Mistoqsija dwar x’inhuma l-opinjonijiet tagħha dwar persuni bid-Down Syndrome u d-dinja tax-xogħol, hija qalet li l-possibilità li persuna bil-kundizzjoni Down Syndrome tidħol fid-dinja tax-xogħol żdiedet iżda tibża’ ftit dwar il-mod għaliex żdiedet. “Żdiedet għax bilfors għax hemm il-multi?  Qed ikunu preparati biżżejjed biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol? Ix-xogħol huwa sheltered employment jew supported employment kif għandu jkun? Qed ikollhom biżżejjed job coaches li jtuhom support mhux biss lil impjegat b’diżabilità iżda wkoll lil employers u lill-impjegati l-oħra?  Min-naha l-oħra jien nemmen li jekk ngħarfu x’potenzjal għandha persuna bil-kundizzjoni Down syndrome u nsibu xogħol addattat għal abilitajiet tagħha, din tista’ tkun ta’ beneficcju għal post tax-xogħol tagħha,” temmet tgħid Xerri.

Min hi Joeanna Xerri?

Joeanna Xerri minn dejjem kellha l-ġibda li taħdem fil-volontarjat iżda wara li kellha t-tifel tagħha li twieled bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome din il-ġibda saret missjoni. Meta twieled it-tifel tagħha, l-ewwel nies li staqsiet dwar kif tista’ tgħinu kienu l-Assoċjazzjoni Down Syndrome. Fil-fatt kienet talbithom biex imorru jkellmuha l-isptar u tgħid li kienu ta’ għajnuna kbira għaliha. 

Il-ħbieb ġenituri bħalha ħeġġewha biex jingħaqdu bħala membri u minn dakinhar Joeanna bdiet tgħin. Ftit wara pproponewha wkoll bħala membru fil-Kumitat u erbgħa snin ilu ġiet eletta bħala President tal-Assoċjazzjoni. Flimkien mal-kumitat hija ħadmet qatigħ biex jitqajjem aktar għarfien u kuxjenza dwar x’inhi l-kundizzjoni Down Syndrome. 

Joeanna tgħid li tħossha kburija li għandha l-opportunità li taħdem f’din l-assoċjazzjoni u l-akbar sodisfazzjoni tagħha hija meta s-soċjetà tifhem li persuni b’din il-kundizzjoni huma l-istess bħalna wara kollox, individwi b’abiltajiet differenti.

Share With: