50 sena ta’ vjaġġi bejn Malta u Kemmuna

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn id-dgħajjes u l-baħar?

Kollox beda 66 sena ilu meta ħajti kienet tkun ibbażata fuq il-baħar. Sa minn meta kont tifel żgħir kont miġbud mhux ħażin lejn l-istaġun tas-sajf. Kont ukoll dilettant tad-dgħajjes u l-opri tal-baħar fejn ta’ spiss kont inkun affaxxinat bid-daqs u s-saħħa li jkollhom. 

Jien kont ukoll wieħed minn dawk li introduċejt xi sport relatat mal-baħar bħal water-skiing u xi oħrajn li apparti ħila kbira kienu jinvolvu divertiment kbir. 

Aktar tard kbirt u bdejt insuq id-dgħajjes. Niftakar li kelli l-ewwel dgħajsa li kienet twila biss ftit piedi. Bil-mod il-mod bdejt inkabbar fl-opri tal-baħar sakemm kelli dak li verament xtaqt. Tinsiex li d-dgħajjes jiswew ħafna flus għax barra li trid tixtriha, trid tieħu ħsiebha sew bil-manutenzjoni kollha meħtieġa. 

Min-naħa l-oħra ftaħt in-negozju tiegħi fl-1973 b’dgħajsa ta’ 16-il pied fejn kienet tal-għamla Swordfish u li kellha magna ta’ 50 hp sakemm imbagħad żidtha għal 70 hp. 

Wara s-Swordfish, mort għal tip ta’ dgħajsa oħra msejħa Kingfisher. Kienet speedboat magħmula verament tajjeb u li kellha magna li kienet ferm veloċi. Fl-ewwel esperjenza tiegħi kelli inċident żgħir fejn inqlibt bid-dgħajsa b’kollox. Madankollu din kienet parti mill-esperjenza u li titgħallem minnha. 

Semmejtha int stess. Int tista’ tgħid il-pijunier tad-dgħajjes turistiċi u wieħed minn dawk li introduċejt ċertu sport relatat mal-baħar hux hekk?

Hekk hu. Kif għedtlek diġa’ kelli mħabba kbira lejn il-baħar u mingħajr ma trid tipprova tara kif se tagħmel is-sitwazzjoni tiegħek u ta’ ħaddieħor isbaħ u aħjar. Illum kburi b’dak li għamilt u meta nħares lura verament għandi għalfejn inkun sodisfatt. Irnexxieli wkoll nħallat in-namra li għandi għall-opri tal-baħar mat-turiżmu. U b’hekk ħareġ dan in-negozju tant għal qalbi. 

Kif taħseb li nbidlet ix-xena turistika f’Malta?

Nemmen li s-sena l-oħra kienet waħda mill-aħjar snin li kellha Malta fejn għandu x’jaqsam turiżmu. Ġew ħafna turisti minn barra u jien stajt ninduna għax kien qed ikolli ħafna vjaġġi lejn Kemmuna aktar mis-soltu. B’xorti ħażina, il-pandemija tal-COVID-19 tellef xi ftit dan ir-ritmu u r-rota qed terġa’ tibda ddur bil-mod din id-darba. Nittamaw li n-negozju jibda jirpilja ftit ftit għax kif nafu fil-gżejjer Maltin aħna niddependu sew mit-turiżmu. B’xorti tajba s-sitwazzjoni tal-Coronavirus tjiebet sew f’Malta u nfetaħ ukoll l-ajruport internazzjonali. Nittamaw li l-affarijiet ikomplu sejrin dejjem aktar għall-aħjar. 

Liema hu t-traġitt li tħobb tagħmel meta tieħu lit-turisti f’Kemmuna?

Ovvjament l-ewwel waqfa tagħna tkun fil-parti msejħa bħala l-Blue Lagoon fejn it-turisti jieħdu pjaċir jaraw dak il-baħar ikħal ċar kristall. Ma jonqosx li nieqfu hemm sabiex dak li jkun jieħu xi ritratti, jitla’ xi ftit sa Kemmuna u forsi jgħum xi għawma wkoll. 

Ma nistax ma nsemmix l-għerien li hemm taħt Kemmuna li wkoll għandhom ċertu faxxinu. Jien inħobb noħodhom hemmhekk u l-vjaġġ ikompli bejn ċajta u oħra bil-ħin li narah jgħaddi ġmielu. Dan ix-xogħol hu ferm għal qalbi u għalhekk nagħmlu b’ċertu ħerqa. 

Semmejt xi ċajta ‘l hemm u ‘l hawn. Kulħadd ifaħħar il-karattru ferrieħi tiegħek. Minn fejn ġibtha din il-pożittivita’?

Jien bniedem pożittiv minni nnifsi. Nipprova b’hekk nagħmel il-vaganza ta’ dawn it-turisti ferm aktar movimentata u fl-istess waqt b’aktar divertiment. Jien minni niċċajta u nħoss li meta nagħmel hekk qed noħloq ambjent aktar rilassat u pjaċevoli. Ninduna li t-turisti qed jieħdu pjaċir b’dan kollu għalhekk inħossni sodisfatt li se jkunu qed iqattgħu ġurnata mill-isbaħ miegħi. 

Kif rajtha li nbidlet Kemmuna matul is-snin?

F’dawn l-aħħar snin inbidlu ħafna affarijiet. Xorta nara lil Kemmuna bħala gżira bi trakwillita’ liema bħalha għajr għas-sajf fejn jiġu ħafna turisti. Kemmuna fil-verita’ ftit inbidlet bħala gżira għalkemm żdiedu l-volum ta’ nies u dgħajjes li jridu jiskopru din il-gżira tant pittoreska. 

Int tħobb ħafna l-annimali partikolarment il-klieb. Kemm qed trabbi klieb bħalissa u x’sodisfazzjon ituk?

Kif jgħidu l-kelb hu l-ikbar ħabib tal-bniedem. Jien għandi erbat iklieb, tnejn minnhom li għandhom 10 snin u 12-il sena. 

Issa jien meta kont żgħir kont ili nitlob lil missieri sabiex iġibli kelb iżda hu ma riedx. Meta imbagħad kbirt din il-ħolma saret realta’. Għandi x-xorti li l-klieb iħobbuni ħafna u jien nagħtihom l-imħabba kollha meħtieġa lura. Kif qed tara jien u nagħmel l-intervista miegħek ġibt tnejn minnhom għax ma tantx noqgħod mingħajrhom. 

Il-fatt li ilek ħafna taqdi u sservi lit-turisti naħseb li tak iċ-ċans ukoll li tagħmel xi ħbieb ġodda hux hekk?

Iva b’xorti tajba għamilt ħafna ħbieb. Il-fatt li għamilt snin twal inservi tant turisti, ta’ spiss nara xi wħud li jerġgħu jiġu Malta u li jfittxu s-servizzi tiegħi. Dawn it-turisti jiġu prattikament mid-dinja kollha u jieħdu gost jirkbu d-dgħajjes tiegħi. Hemm ħafna minnhom li għadni f’kuntatt magħhom. 

Ħafna jagħrfuni u jirringrazzjawni anke jekk ikunu għaddew aktar minn għaxar snin. 

Tajjeb li ngħid ħaġa. Kienet mara anzjana li kienet klijenta regolari tiegħi li vvintatli l-isem tad-dgħajsa tiegħi. Għall-bidu kont semmejt id-dgħajjes bħal Rock on Tommy. Iżda ħafna kienu xi ftit konfużi u ma setgħux jiftakru dan l-isem. Kien għalhekk li għamiltu Oki-Ko-Ki u b’hekk dan l-isem idoqq iktar għal widnejn in-nies. Naħseb li rrid niżżiħajr lil din il-mara anzjana li ħarġet b’dan l-isem oriġinali. 

Ilek madwar 50 sena fl-industrija turistika. Nimmaġina li rajt ħafna tipi ta’ turisti matul din il-karriera tiegħek hux hekk?

Nista’ ngħid li ħamsin sena għaddew qishom ħolma. Dejjem ngħid li din tkun l-aħħar sena tiegħi u nirtira iżda dejjem nipposponi. Min jaf? Forsi minħabba li l-imħabba lejn il-baħar u l-inġenji jibqa’ hemm . Dan kollu jżommni għaddej u fl-istess waqt inħossni qisni żagħżugħ. 

Fil-karriera tiegħi rajt tipi differenti ta’ turisti. Kollha kemm huma jibqgħu mistagħġba b’dak li jaraw f’Kemmuna u l-baħar ċelesti u ċar li għandna. Kollha jkunu jridu jgħumu u jaqbżu qabża f’dan il-baħar uniku. Ħafna jgħidu li qatt ma raw gżira sabiħa daqs Kemmuna. 

Nammira ħafna l-karattru pożittiv li għandek. X’inhuma dawk l-elementi li jagħmluk hekk?

Nerġa’ ngħidlek li l-fatt li niltaqa’ man-nies, naqdihom u narahom ferħanin u sodisfatti jagħmilni verament kuntent. Kif għedtlek jien inqis li għad għandi mentalita’ żagħżugħa u għalhekk biċċiet minnhom naf immur sewwa magħhom. 

Għandi motto li se ngħidulek bl-Ingliż. Life is what you make it. Il-ħajja tagħmilha int. Jekk int tgħid li għandek id-dwejjaq normalment se ddejjaq lil ta’ madwarek u żżomm ċerta atmosfera ta’ tensjoni kullimkien. Mill-banda l-oħra jekk int tħalli warajk id-dwejjaq u xi kultant it-tgergir żejjed u tkun pożittiv se tara l-ħajja b’lenti differenti. 

U għalhekk se ngħidlek kelma oħra bl-Ingliż. Chill Up! Ħallik mid-dwejjaq u għix ħajtek mill-aħjar li tista’. Għada hi ġurnata oħra u dak li sar illum għadda u mar. 

Kif tarak minn hawn u għaxar snin oħra?

Forsi tarani Kemmuna. Forsi tarani rtirat. Min jaf? Kollox jista’ jkun. Illum il-ġurnata ma tantx għadni nippjana ħajti. Inħobb nimxi ġurnata b’ġurnata. L-importanti li ngawdi l-ħajja mhux hekk?

Nixtieqek tgħaddili messaġġ lil dawk in-nies li qed jaqraw din l-intervista. 

Il-messaġġ jibqa’ dejjem wieħed pożittiv. Dejjem għożżu l-ħajja tagħkom, ibżgħu għaliha u gawduha kemm tifilħu. Ippruvaw kunu ferħanin, ħallu l-problemi mal-ġenb u taraw kemm kollox ikun aħjar. 

Jien qiegħed hawn biex inservi lin-nies. Meta nara lin-nies bid-daħka fuq fommhom, jieħdu dak ir-ritratt ta’ tifkira miegħi u jirringrazzjawni, lili jtellgħuni s-sema. 

Il-pożittivita’ tegħleb in-negattivita’. Il-pożittivita’ tgħinek tgħix ħajtek bl-aħjar mod possibbli. Nemmen f’dan kollu u għalhekk qed inxerred dan il-messaġġ. 

Share With: