AĠĠORNAT: Azzopardi bi sfida lil Delia; Xi ħadd minnhom ikollu jirriżenja minn Deputat jekk Delia jaċċettaha

Adrian Delia fetaħ proċeduri legali fil-konfront ta’ Jason Azzopardi dwar dak li huwa qed jisħaq li huma allegazzjonijiet foloz u inveritieri li saru mid-Deputat Nazzjonalista fil-konfront tiegħu.

Fi protest ġudizzjarju il-Kap Nazzjonalista qal li huwa kien ġie informat li Azzopardi kien qed ixerred dawn l-allegazzjonijiet dwaru permezz ta’ SMS, liema messaġġi jisħqu li hemm aktar messaġġi li saru bejn Yorgen Fenech u Delia li għadhom ma nkixfux.

Wieħed mill-messaġġi li jagħmel referenza għalih il-protest ġudizzjarju jgħid li hemm mijiet ta’ messaġġi oħrajn fil-mowbajl ta’ Fenech fir-rigward tal-ħlas ta’ €50,000 lil Delia u l-wegħda ta’ għotja ta’ €100,000 jew aktar jekk l-MPE Nazzjonalista David Casa ma jerġax jiġi elett gil-Parlament Ewropew.

Il-messaġġ anke saħansitra jiddeskrivi lil Delia bħala “giddieb patoloġiku”.

Il-protest ġudizzjarju kien ippreżentat sigħat biss qabel ma tiżvolġi votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-PN, li għandha tiddetermina l-futur ta’ Delia, u tat-tmexxiaj tal-Partit Nazzjonalista.

Jason Azzopardi bi sfida lil Delia

Intant f’risposta għall-protest ġudizzjarju li sar fil-konfront tiegħu minn Adrian Delia, id-Deputat Nazzjonalista kellu kliem iebes għall-istess Delia, u saħansitra ddeskrivih bħala l-“ħabib ta’ Yorgen Fenech li bħalissa huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni.”

F’kumment li għamel fuq il-midja soċjali Azzopardi sfida lil Delia biex jirriżenja minn Deputat Parlamentari jekk fil-Qorti jirriżulta li teżisti prova forensika fil-mowbajl ta’ Yorgen Fenech li saret komunikazzjoni u/jew laqgħat bejnu u Fenech fl-2019. Azzopardi saħansitra żied jgħid li jekk jirriżulta li tali prova ma tiriżultax, allura jirriżenja hu minn Deputat Parlamentari.

Intant Azzopardi żied jgħid li Delia huwa l-istess bniedem li sakemm inqabad jigdeb qal li qatt ma ltaqa’ ma’ jew ikkomunika ma’ Fenech wara Novembru tal-2018, jiġifieri wara li sar magħruf li Fenech kien is-sid ta’ 17 Black.

Żied jgħid li Delia kemm fil-Grupp Parlamentari u kif ukoll fl-Eżekuttiv dejjem ħarab milli jwieġeb għall-mistoqsija dwar jekk qattx ikkomunika jew iltaqa’ ma’ Fenech wara novembru tal-2018.

Azzopardi temm jistaqsi wkoll lil Delia għaliex ma talabx lill-maġistrat inwirenti biex jagħti xhieda ġuramentata ladarba huwa qed iqis li din hija manipulazzjoni fil-konfront tiegħu.

Share With: