AĠĠORNAT BIR-RITRATTI: Ħabta bejn żewġ vetturi fil-kumpless tal-Wasteserv fil-Magħtab

Żewġt irġiel ittieħdu b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fil-Magħtab. 

Illum, għall-ħabta tad-09.00 a.m., il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet ħabta fil-kumpless tal-Wasteserv. Il-Pulizija tad-Distrett tan-Naxxar marru mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk sabu ħabta bejn vettura tal-għamla Isuzu Elf u vettura tal-għamla Mercedes Ateco. 

Waqt li l-Mercedes Ateco spiċċat madwar sular taħt il-livell tat-triq bix-xufier jinqabad fil-kabina, l-Isuzu Elf ġarrbet ħsarat estensivi, bil-konsegwenza li x-xufier ta’ din il-vettura wkoll nqabad fil-vettura. 

Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew l-operazzjoni ta’ salvataġġ biex ix-xufiera jinħarġu mill-vetturi rispettivi. 

Fuq il-post issejjaħ ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u żewġ ambulanzi ħadu liż-żewġ xufiera l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, irriżulta li x-xufier tal-Isuzu Elf – raġel ta’ 33 sena residenti Ħaż-Żabbar – qiegħed isofri minn ġrieħi serji, filwaqt li x-xufier tal-Mercedes Ateco – raġel ta’ 53 sena residenti n-Naxxar – għandu ġrieħi ħfief. 

Bil-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke LL.D li ħatret diversi esperti biex jassistuha. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

Share With: