AĠĠORNAT: Ħaddiem barrani jmut, u ieħor Malti fil-periklu tal-mewt

Raġel mill-Gambia ta’ 32 sena miet u ħaddiem ieħor Malti jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ġġarraf ħajt f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla.

L-inċident li seħħ għall-ħabta tat-8.00 a.m. seħħ fi Sqaq l-Erwieħ.

Jidher li fil-ħin tal-inċident kien qed isir xogħol ta’ skavar fil-blat tas-sit tal-kostruzzjoni, meta ċint li kien jinsab fl-istes sit ċeda, b’wieħed mill-ħaddiema jintlaqat mill-ġebel. Dan il-ħaddiem sfortunatament miet fuq il-post.

Fl-istess inċident weġġa’ ħaddiem ieħor Malti li kien jinsab fl-istess sit. Il-ħaddiem ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Charmaine Galea, li ħatret diversi esperti biex jassistuha.

Intant l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qalet li nidiet investigazzjoni dwar l-inċident traġiku li seħħ kmieni dalgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla, f’liema inċident tilef ħajtu ħaddiem ta’ 32 sena mill-Gambija, filwaqt li ħaddiem ieħor Malti jinsab fil-periklu tal-mewt.

L-OHSA żiedet tgħid li mill-investigazzjonijiet inizjali tagħha, jirriżulta li l-inċident kien ikkaġunat wara li ġġarraf ħajt temporanju, li biswitu kien qed isir, jew kien sar, xogħol ta’ skavar. Intant, saħqet li se tkompli għaddejja bl-investigazzjonijiet u se tkompli tikkopera mal-Maġistrat inkwerenti.

Share With: