AĠĠORNAT: Il-futur ta’ Delia f’idejn il-Kunsill Ġenerali… Jew vot ta’ fiduċja fih jew elezzjoni għal Kap ġdid

Delia jitlef it-tielet battalja! Irtirata l-mozzjoni tiegħu li jiddeċiedu t-tesserati f’vot ta’ fiduċja fih

00:25 – Għadu kif ġie deċiż li l-futur tal-Kap tal-PN Adrian Delia, jitħalla f’idejn il-Kunsill Ġenerali. Fil-fatt il-kunsilliera fi ħdan il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jiddeċiedu jekk jivvutawx it-tessarati għal Delia jew jekk il-PN imurx għal elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid. Dan ifisser li għat-tielet darba fi tliet ġimgħat Delia tilef battalja oħra, wara l-mozzjoni li ressaq qabel il-laqgħa tal-lejl kienet irtirata. Huwa kien qal li se jħalli f’idejn it-tesserata biex jiddeċiedu jekk għandhomx fiduċja fih.

23:16 – Permezz ta’ ruling, se jkun Ċensu Galea, il-President tal-Kunsill Ġenerali jiddeċiedi jekk it-tesserati jivvutawx f’vot ta’ fiduċja għal Delia jew f’elezzjoni bejn numru ta’ kandidati għal Kap tal-Partit.

22:46 – Fuq Facebook, id-Deputat ‘ribell’ Jason Azzopardi, qal li hija “gidba li jiena jew xi Deputati oħrajn irridu nneħħu l-vot lit-tesserati fl-għażla tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.” Kompla jgħid li huma jridu li t-tessarati jkollhom għażla bejn żewġ kandidati validi u mhux “Kap (hu min hu) jimponi ruhu fuq it-tesserati u ma jhallilhomx ghazla libera.”

L-istess kitbu d-Deputati Chris Said u Karol Aquilina. 

21:50 – Wayne Hewitt, midħla sew tal-Partit Nazzjonalista, fuq is-sit soċjali ta’ Facebook kiteb li l-mozzjoni ta’ Adrian Delia, imressqa aktar kmieni llum fil-bidu tal-laqgħa tal-Eżekuttiv tmur kontra l-Istatut. Fi kliem Hewitt, “jaf li fl-istatut ma jezisti l-ebda vot ta’ fiducja jew sfiducja mit-tesserati. L-ittra ta’ Delia tmur kontra l-istatut.” Huwa qal li huwa l-Kunsill Ġenerali li jrid jiddeċiedi dwar il-futur tal-Kap f’dan il-każ.

20:55 – Hekk kif bħalissa għaddeja l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fejn għat-tielet ġimgħa konsekuttiva qed tkun diskussa l-kobba mħabb;a li qiegħed fiha l-PN, in-nuqqas ta’ qbil bejn dawk li jappoġġjaw lil Delia u dawk li jridu jkeċċu lil Delia qed ikompli jikber.

Jidher li Delia jrid li jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali u jkunu t-tesserati li jiddeċiedu jekk hu għandux jibqa’ bħala kap tal-partit jew le. In-naħa l-oħra tal-argument, dawk li jriduh jitlaq akkost ta’ kollox, qed isostnu li għandu jkun il-Kunsill Ġenerali li jieħu vit biex jiddeċiedi l-futur ta’ Delia.

Huwa ċar, li Delia jrid li jmur għand it-tesserati għax igawdi l-appoġġ tagħhom. Xhieda ta’ dan huma l-voti ta’ fiduċja, għal darba, dabtejn li dawn tawh. Minn banda l-oħra, jidher li l-kunsill Ġenerali mhux kuntent bit-tmexxija ta’ Delia u jekk jiddeċiedu huma l-futur tiegħu, dan jaf ikun it-tmiem ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-PN.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kiteb lill-President tal-Kunsill Ġenerali Ċensu Galea biex jibda l-proċess biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali, l-Ġimgħa 31 ta’ Lulju 2020.

Fil-Kunsill Ġenerali, Delia qed jitlob li ssir votazzjoni mill-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali għall-mistoqsija “Inti taqbel li għandha tissejjaħ “Konvenzjoni Ġenerali” tliet ġimgħat oħra biex it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista jikkonfermaw u jagħtu vot ta’ fiduċja lill-Kap tal-Partit Adrian Delia?

Intant quddiem id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà bdew jinġabru attivisti hekk kif il-membri tal-eżekuttiv se jiltaqgħu f’dik li mistennija tiddetermina l-futur tmhux biss tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, iżda wkoll tal-Partit Nazzjonalista nnifsu.

Il-laqgħa ssejħet minn Delia wara li kien sfiduċjat f’żewġ voti ta’ fiduċja f’dawn l-aħħar ġimagħtejn – wieħed sigriet fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista u ieħor fl-eżekuttiv.

Membri li waslu fid-Dar Ċentrali naqsu milli jikkummentaw, bid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jaċċenna lil dawk preżenti biex jindirizzaw il-mistoqsijiet lill-Kap Nazzjonalista.

Intant fil-laqgħa tal-lejla, id-deputati ribelli se jkunu qed jipprovaw iwasslu biex jittieħed vot ta’ fiduċja fil-konfront ta’ Delia fil-kunsill ġenerali tal-PN.

B’Delia jitneħħa mill-kariga, tkun id-Deputata Nazzjonalista Therese Comodini Cachia li tkun l-aġent Kap tal-Oppożizzjoni.

Delia ripetutament wera r-rieda tiegħu li ma jċedix u jwarrab mit-tmexxija tal-Partit, u għadu jinsisti li l-vot tal-membri tal-partit li eleġġewh bħala Kap għandu jiġi rispettat.

F’mossa li kompliet turi l-firda fi ħdan il-PN, il-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalista, ħarġu ’l barra minn laqgħa tal-grupp parlamentari msejħa biex jiġu diskussi l-iżviluppi relatanti mal-attentat suwiċidju ta’ Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fil-jiem li għaddew f’intervista indika li qed jikkunsidra vot ġdid ta’ fiduċja quddiem il-kunsill ġenerali.

Fl-intervista huwa qal li jekk ma jirbaħx dan il-vot, allura kien se jwarrab. Madankollu f’każ li jirbaħ dan il-vot, id-deputati ribelli jkollhom jew jagħtuh l-appoġġ tagħhom, jew inkella jwarrbu.

Delia qal li ma jkun jagħmel l-ebda sens li jirbaħ dan il-vot ta’ fiduċja u fl-istess waqt ikollu jiffaċċja numru ta’ deputati li jippersistu li ma jikkoperawx miegħu.

Huwa se jkun qed jiżvela l-pjan tiegħu waqt il-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv tal-lejla biex ikun jista’ jiddiskuti din il-proposta.

Share With: