AĠĠORNAT: Il-Pulizija jkollha tagħmel użu minn taser fuq pazjent f’Mater Dei wara li sar aggressiv għax irriżulta pożittiv għall-Covid

Il-Pulizija kellhom jintervjenu u saħansitra kellhom jagħmlu użu minn taser fil-konfront ta’ pazjent fl-Isptar Mater Dei wara li sar aggressiv fil-konfront ta’ ħaddiema mediċi hekk kif irriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Inewsmalta tinsab informata li l-pazjent qed jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli.

Il-pazjent, ta’ nazzjonalità barranija, iddaħħal l-Isptar Mater Dei fis-23 ta’ Lulju li għadda biex jirċievi kura għal kundizzjoni medika li mhijiex relatata mal-Covid-19. Huwa kien irriżulta negattiv għall-ewwel swab test li jittieħed bħala parti ta’ rutina meta pazjent jiddaħħal l-Isptar. Madankollu fi swab test sussegwenti, il-pazjent irriżulta pożittiv.

Jidher li meta ġie mgħarraf dwar dan il-pazjent sar aġitat u anke vjolenti, fejn anke għamel ħsara lil tagħmir mediku.

Kien wara li s-sitwazzjoni kompliet tiddeġenera li l-Pulizija kellha tagħmel użu mit-taser biex jirnexxielha ġġib is-sitwazzjoni taħt kontroll.

Intant, kelliem għall-Pulizija kkonferma li kien tard bil-lejl tas-27 ta’ Lulju meta l-Pulizija ntalbu jassistu lill-uffiċjali tas-sigurtà f’Mater Dei peress li l-pazjent kien perikoluż fil-konfront tal-istaff mediku, tal-pazjenti l-oħra u anke lejh innifsu. Spjegawlna li dan il-pazjent għamel ħsarat kbarat fl-apparat mediku u anke fl-għamara tal-ward. Minkejja li l-uffiċjali tas-sigurtà u anke l-uffiċjali tal-RIU pprovaw iwaqqfuh b’kull mod, dan xorta rrifjuta u saħansitra attakka lil Pulzija bi ħġieġ imkisser. Kien hawn li l-Pulizija kellha tuża t-taser gun peress li l-metodi l-oħra kollha kienu fallew. 

Mistoqsi dwar jekk il-Pulizija kellhomx jieħdu swab test jew inkella jinżammu fi kwarantina, il-kelliem tal-Pulizija qalilna li dan ma kienx il-każ peress li l-Pulizija kienu lebsin it-tagħmir kollu ta’ protezzjoni li ilhom jilbsu sa minn meta bdiet din il-pandemija. 

Share With: