AĠĠORNAT: L-awtoritajiet tas-saħħa jgħidu li l-papri infettati fis-Salina mhumiex ta’ riskju għall-bniedem

Għexieren ta’ papri fis-Salini huma infettati bl-influwenza avjarja u s-salmonella. Ikkonfermat dan l-Awtoritajiet għar-Riżorsi (ERA).

L-ERA qalet li mill-kampjuni li ttiħdu huwa evidenti li l-papri preżenti fiż-żona tas-Salini huma infettati bl-influwenza avjarja u s-salmonella u għaldaqstant huma ta’ riskju mhux bissa għall-annimali l-oħrajn fiż-żona u l-ambjent, iżda wkoll għas-saħħa tal-bniedem u l-ikel lokali kaġun tal-possibbiltà tat-trasmissjoni tal-mard lil speċi ta’ tajr li jittiekel.

Il-Ministru għall-Ambjent jinsab għaddej b’konsultazzjonijiet mad-Diviżjoni għar-Regolamentazzjoni Veterinarja u l-Pjanti biex jitfassal pjan biex il-papri jitneħħew miż-żona.

Jidher li fl-aħħar sigħat il-Cleansing Department ġabar mill-inqas 20 papra mejta.

Intant l-awtoritajiet tas-saħħa, flimkien mad-Direttorat tar-Regolament Veterinarju, saħqu li filwaqt li l-papri fir-Riserva Naturali tas-Salini ġew ittestjati pożittivi għall-Influwenza Avjarja, l-evidenza epidemjoloġika turi li m’hemm l-ebda riskju magħruf ta’ mard fil-bnedmin minn esponiment għal annimali infettati b’din it-tip ta’ influwenza. 

Fi stqarrija l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li s-sitwazzjoni qed tiġi mmonitorjata mill-qrib u qed jittieħdu azzjonijiet xierqa skont il-każ mill-awtoritajiet veterinarji. Dan filwaqt li talbet lill-pubbliku biex jieħu dejjem il-prekawzjonijiet meħtieġa meta jittratta mal-annimali.

Share With: