L-Oppożizzjoni se tivvota kontra riformi fil-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni

Il-Parlament kompla jiddiskuti aktar riformi marbutin mas-saltna tad-dritt u li kienu maqbula mal-Kummissjoni Veneżja.  Il-Parlament kompla jiddiskuta l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti. Jidher li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tivvota kontra din il-mozzjoni, xi ħaġa li ddikjaraha id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield. Hu appella lill-Oppożizzjoni biex meta jmorru barra minn Malta jitkellmu fuq is-saltna tad-dritt jgħidulhom li vvutaw kontra din il-liġi.

L-abbozz jgħid li għandu jkun hemm Kummissjoni, li għandha tkun magħrufa bħala l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, li għandha tikkonsisti minn Chairman u żewġ membri oħra. Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jiġu maħtura mill-President ta’ Malta li, fil-ħatra taċ-Chairman għandu jaġixxi skont Riżoluzzjoni tal-Kamra li tgħaddi bil-voti ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra, fil-ħatra ta’ wieħed miż-żewġ membri għandu jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru u fil-ħatra tal- membru l-ieħor għandu jaġixxi skont il-parir tal-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Jgħid ukoll li iżda jekk ir-Riżoluzzjoni ma jkollhiex favur tagħha l-voti ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra, għandu jittieħed it-tieni vot fuq ir-Riżoluzzjoni mhux aktar kmieni minn sebat  ijiem mill- ewwel vot li jkun ukoll jinħtieġ il-vot ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra u jekk ir-Riżoluzzjoni fit-tieni vot ma jkollhiex favur tagħha l-voti ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal- Kamra, għandu jittieħed it-tielet vot fuq ir-Riżoluzzjoni mhux aktar kmieni minn sebat ijiem mit-tieni vot u f’dak it-tielet vot ir-Riżoluzzjoni tkun approvata jekk jkollha favur tagħha l-maġġoranza tal-voti tal-membri kollha tal-Kamra. Iżda wkoll jekk ikun se jittieħed it-tieni vot, kandidati ġodda għall-kariga ta’ Chairman ikunu jistgħu jiġu nominati qabel jittieħed it-tieni vot.” 

L-abbozz jgħid li jekk fil-fehma tal-Kummissjoni, l-imġieba investigata hija korrotta jew tista’ tkun konnessa ma’, jew tista’ twassal għal atti ta’ korruzzjoni, ir-rapport tar-riżultati tal-investigazzjoni għandhom jiġu mgħoddija lill-Avukat Ġenerali. 

L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex jiġu riveduti l-metodu tal-ħatra taċ-Chairman u tal-membri tal- Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u jipprovdi mekkaniżmu ta’ anti-deadlock għall-ħatra taċ-Chairman. L-Abbozz itejjeb il-poteri tal-Kummissjoni billi jwessgħa d-definizzjoni ta’ prattiki korrotti u jaħseb ukoll għall-poter addizzjonali fejn il- Kummissjoni ssib riżultanzi ta’ prattiċi korrotti jew li tista’ tkun, għandha tirrapporta direttament lill-Avukat Ġenerali.

“Qed tissaħħaħ is-saltna tad-dritt bir-riformi fil-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni”

Intant id-Deputat Laburista Emanuel Mallia iddikjara li “dan il-gvern li beda f’Jannar qed jagħmel riformi kbar fis-saltna tad-dritt. Jien bħala avukat kelli diversi esperjenzi quddiem din il-Kummissjoni. L-esperjenzi ma kinux daqshekk siewja għax kien hemm affarijiet li ma kinux jaħdmu.  Din kienet kummissjoni mingħajr snien u kienet kummissjoni li tindaga lil xi ħadd u dak li jkun lanqas ikun jaf li hu indagat. Jissejjaħ bħal xhud u hemm tinduna li inti tkun qed tiġi indagat.  Inħoss li din il-Kummissjoni u dawn ir-riformi se jsaħħu din il-kummissjoni u se jtuha snien biex taħdem”.

L-avukat Emanuel Mallia qal li “issa se titessa’ id-definizzjoni ta’ prattiċi korrotti. Tneħħiet għal kollox il-figura tal-Prim Ministru. Fejn jidħlu prattiċi korrotti, il-liġi diġa tkopri atti li jwasslu għal korruzzjoni u dawn issa qed jitwessgħu”.

Appella lill-Oppożizzjoni li “jekk verament meta hi tagħmel l-appell tagħha lis-saltna tad-dritt, pero jekk inti ilek żmien tappella biex ċertu leġislazzjoni tiġi riformata, jekk vera se tivvota kontra, allura ma nistax nifhem x’inhu rwol tagħna fil-Parlament. Ejja naraw kif insaħħu s-saltna tad-dritt u dan hu dak li qed isir b’dan l-abbozz.”

Share With: