AĠĠORNAT: Minħabba terzi persuni s-seduta tkompli bil-magħluq

5:00 p.m: Lura fl-awla.

L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li hemm isem li għadu ma ssemmiex. Irid li r-recording li jmiss jinstema’ bil-magħluq. Żied jgħid li l-Pulizija għadha ma investigatx il-kontenut tar-recording magħżul.

Id-difiża tirrimarka li l-Pulizija kellha dawn ir-recordings għal perjodu ta’ żmien. Il-Maġistrat Montebello qalet li fid-dawl tal-investigazzjonijiet li għaddejjin u li qed jissemmew terzi persuni u ċirkustanzi li jduru magħhom, ir-recording għandu jinstema’ fil-magħluq.

L-Ispettur Arnaud jispjega li semgħu fuq 100 recording u li tkellmu ma’ diversi nies. 

Il-Maġistrat ordnat lill-ġurnalisti biex joħorġu mill-awla. 

Is-seduta se tkompli bil-magħluq.

3:30 p.m:  Qed idum aktar milli kien mistenni biex jissemma’ r-recording fl-awla bil-bibien magħluqa. Il-midja u Lawrence Cutajar jibqgħu jistennew barra

2:15 p.m: Cutajar jgħid li  f’Novembru tas-sena li għaddiet kien staqsa lil Brincat jekk kellux it-tapes ta’ Theuma. L-eks Kummissarju jgħid li Theuma ma kellu l-ebda intenzjoni li jeqred ir-recordings. Kompla biex jgħid li Brincat kien jaf li hu kien qed isus warajh għall-informazzjoni dwar Theuma.

L-avukat Mercieca jistaqsi lil Cutajar jekk qattx irċieva flus mingħand Brincat. Cutajar jgħid li min jgħid li xi ħadd irċieva flus bi skambju għall-maħfra presidenzjali “qed jibblaffja jew jigdeb.” Intant huwa ċaħad li aċċetta xi flus biex tingħata l-proklama kif ukoll li seta’ għadda xi informazzjoni lill-ġojja.

L-avukat jistaqsi jekk jistax jinstema’ vuċi minn tape partikolari u wara li l-awla ġiet sospiża għal xi ħin ġie deċiż li dan ir-recording jinstema’ bil-magħluq.

1:30 p.m: Cutajar jgħid li ma kienx involut fir-rapport li sar fuq il-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma. Jgħid li l-laqgħa tiegħu ma’ Melvin Theuma fil-15 ta’ Novembru damet madwar sagħtejn.

L-eks Kummissarju jikkjarifika li l-maħfra presidenzjali ngħatat lil Theuma wara li saru investigazzjonijiet dwar li r-recordings li għadda lill-Pulizija. Sar ukoll rapport li ġie ppreżentat lill-Kummissarju. Kien wara dan kollu li hu ħa din id-deċiżjoni.

L-avukat jinsisti li l-maħfra ngħatat wara laqgħa ta’ sagħtejn bejn l-eks Kummissarju u Theuma fil-15 ta’ Novembru. Minkejja dan, ix-xhud jgħid li dan mhux possibbli għax kienu għadhom ma semgħux ir-recordings.

Cutajar jispjega dwar l-arrest ta’ Theuma u jgħid li dan sar mit-Taqsima ta’ Kontra l-Frodi. Qal li hu talab immedjatament għal avukat.

Cutajar jgħid li Theuma talab għal Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina “għax qal li jrid avukat Nazzjonalist.”

1:00 p.m: L-eks Kummissarju spjega li qabel il-15 ta’ Novembru tal-2019, kien hemm laqgħat mal-OPM fuq maħfriet presidenzjali. Madankollu, id-diskussjonijiet fuq il-maħfra għal Theuma bdew wara li kellhom ir-recordings.

Lawrence Cutajar jgħid li Theuma ma kienx qed jafda lill-Pulizija. Theuma talab lill-pulizija għal żewġ kundizzjonijiet; biex ma tiġix implikata familtu u biex ma jużawx ċerti dettalji li jagħtihom off the record kontrih.

L-eks Kummissarju kkonferma dwar il-preżenza tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri waqt il-laqgħat f’Kastilja fuq l-investigazzjonijiet.

12:40 p.m: Il-Maġistrat Montebello tistaqsi lid-Difiża jekk tridx tibqa’ għaddejja bil-kontro-eżami tal-Ispettur Arnaud kif ukoll dwar kemm-il recording se jinstema’ llum.

Il-Maġistrat Montebello tordna li llum jinstemgħu r-recordings relevanti għax-xhieda ta’ Lawrence Cutajar.

L-Avukat Charles Mercieca jibda jistaqsi lix-xhud dwar il-maħfra presidenzjali li ngħatat lil Melvin Theuma.

Meta muri kopja tal-proklama huwa kkonferma li hu kien iffirma l-istess proklama. 

Mistoqsi dwar x’kien qed jagħmel f’dawn l-aħħar ġranet huwa qal li kien id-dar u l-Inter Club Malta.

12:15 p.m: Jitla jixhed l-Ispettur Keith Arnaud. L-Avukat Charles Mercieca jistaqsi fejn hu l-mowbajl ta’ Melvin Theuma. Arnaud iwieġeb li mal-arrest dan ittieħed mill-Europol biex isiru aktar investigazzjonijiet.

Arnaud kompla biex jgħid li m’għandux kuntatt mal-esperti tal-qorti tal-Europol. Spjega wkoll li għaddejja ħidma biex tittieħed xi informazzjoni mill-mowbajl ta’ Fenech.

L-Ispettur jikkonferma li l-Pulizija għandha l-informazzjoni li ttieħdet mill-mowbajl ta’ Yorgen Fenech mill-Europol fuq hard-drive.

Mistoqsi dwar min qed jinvestiga dan it-tagħrif miksub mill-mowbajl ta’ Fenech, il-Maġistrat qalet lil Arnaud biex ma jwiġibx din il-mistoqsija.

Tintemm ix-xhieda tal-Ispettur Arnaud

11:15 a.m: L-avukati ta’ Fenech staqsew lil Cardona dwar il-kkomunikazzjoni tiegħu mal-Ispettur Arnaud. Cardona qal li kien Arnaud li talbu jara l-files biex jaċċerta li jiġu kkuppjati l-files it-tajbin.

Id-difiża trid li r-recordings jissemmgħu fil-Qorti.

L-avukat Mercieca qal li fir-recordings saret referenza għall-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u insista li r-recordings jinstemgħu llum.

10:50 a.m: L-Ispettur Kurt Zahra ppreżenta l-maħfra presidenzjali li ngħata Melvin Theuma fil-25 ta’ Novemrbu li għadda.

Jersaq biex jixhed Alvin Cardona li tqabbad mill-Qorti biex jagħmel kopja tad-data ppreżentata fil-Qorti. Ippreżenta d-data fuq hard-drive. Cardona qal li kien hemm rapporti li kien hemm files neqsin u ċaħad dawn l-allegazzjonijiet. Spjega l-proċess ta’ kif wieħed jista’ jaċċessa l-files fuq il-hard drive. 

Spjega li ċertu files jiġu aċċessati b’mod differenti minn ċertu recordings li diġà ġew esebiti fil-Qorti. Mercieca staqsa lix-xhud jekk hemmx xi files ta’ kitba fil-hard drive u jekk dawn jistgħux jiġu editjati. Dr Camilleri mid-difiża staqsiet lil Cardona jekk aċċessax il-files meta kien qed jikkuppjahom. Hu qal li hu ma aċċessahomx u li kkupjahom biss. Ikkonferma wkoll li hu ma kellu l-ebda komunikazzjoni mal-Europol.

10:15 a.m: Hekk kif komliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, id-difiża ta’ Fenech talbet lill-Qorti biex jiġi ppreżentat il-mowbajl ta’ Theuma.

Il-Prosekuzzjoni, illum immexxija mill-Ispettur Kurt Zahra, informa lill-Qorti li Melvin Theuma ddaħħal l-isptar u għaldaqstant ma jistax jixhed. L-Ispettur Zahra qal li Theuma jinsab f’qagħda kritika.

Madanakollu waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissarju tal-Pulizija ntqal li huwa kien ġie operat u li l-qagħda tiegħu issa hija waħda stabbli.

Id-difiża tinnota kif Theuma llum kellu jixhed fuq recordings li “ntilfu” jew “ma setgħux jinstabu” mill-Pulizija. Allega wkoll li dawn ir-recordings kienu qed jinżammu mistura mill-Pulizija. L-Ispettur Kurt Zahra ċaħad dawn l-allegazzjonijiet. L-Avukat Jason Azzopardi qal li hija gidba li wieħed jgħid li ċertu files intilfu jew inżammew mistura. 

9:10 a.m: Illum mistennija tkun ippreżentata kopja tal-proklama mogħtija lil Melvin Theuma wara li l-Qorti kienet laqgħet it-talba f’dan is-sens li saret it-talba mill-avukati ta’ Yorgen Fenech.

Kien mistenni wkoll li l-Qorti tkun infurmata jekk setax jinstema’ recording li allegatament jeżisti fejn jissemma’ l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ingħata s-somma ta’ €30,000 biex dan jipproponi li Melvin Theuma jingħata l-proklama.

Aktar qabel: Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ittieħed b’urġenza l-isptar wara li nstab fir-residenza tiegħu fil-periklu tal-mewt. Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li Theuma weġġa’ lilu nnifsu.

Jidher li kien meta l-avukat ta’ Theuma ma setgħetx tistabbilixxi kuntatt miegħu, li nġibdet l-attenzjoni tal-pulizija mill-istess avukat. Immedjatament, il-pulizija li tkun għassa fuq barra tar-residenza ta’ Theuma – fi Triq is-Sir fis-Swieqi – il-ħin kollu, daħlet fir-residenza flimkien ma’ martu u sabitu jsofri minn ġrieħi.

Minnufih intalbet għajnuna medika u Theuma ttieħed l-Isptar Mater Dei. 

Dwar dan il-każ il-Pulizija, b’żieda mal-investigazzjoni tagħha, talbet li tinbeda inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa minnufih.

Intant Inewsmalta tinsab infurmata li Theuma se jkun operat b’urġenza wara li jidher li Theuma nstab bi ġrieħi serji f’għonqu u fl-istonku.

Fl-isptar Mater Dei hemm preżenza ta’ pulizija li saħansitra għalqu l-parkeġġ barra l-Emerġenza.

Għada Theuma kien mistenni li jkompli jagħti x-xhieda tiegħu hekk kif kellha tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Share With: