AĠĠORNAT: “Nibqa’ Kap tal-PN sakemm iriduni n-nies tagħna… Vot li ma jwassalna imkien”

Delia sfiduċjat għat-tieni darba f’temp ta’ ġimgħa

01:53 a.m: Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, din ikkonfermat li Adrian Delia reġa’ tilef vot ta’ fiduċja ieħor f’wieħed mill-għola organi tal-partit. Quddiem dan il-vot, il-kap tal-PN, Adrian Delia qal li l-vot tal-lum “mhu se jwassal għal imkien, allura kien vot intern fi ħdan l-istruttura tal-PN.” Huwa kompla jgħid li min imbotta din il-mozzjoni kien jaf x’jgħid l-istatut, dak li ma jistax ikun hemm vot fiduċja fil-kap inqas minn sentejn wara li jkun diġà seħħ dan.

Delia qal li hu jiddispjaċih għat-tesserati u għan-Nazzjonalisti ġenwini. “Jekk maħniex se nirrispettaw ir-rieda tan-nies, maħna se naslu mkien.” Delia reġa’ kkonferma li hu se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji fil-konfront tal-MPs li qed jimbuttaw kampanja kontra Adrian Delia. “Dawn id-deċiżjonijiet se jkunu qed jgħinu mhux lili iżda lill-Partit Nazzjonalista.”

01:41 a.m: Dan is-sit huwa infurmat li l-Kap tal-PN Adrian Delia, għat-tieni darba f’temp ta’ ġimgħa tilef vot ta’ fiduċja, din id-darba fost l-Eżekuttiv tal-PN. Jidher li 47 membru li jifformaw parti mill-Eżekuttiv ivvotaw kontra Delia, filwaqt li 36 membru vvotaw favur it-tmexxija ta’ Delia.

01:10 a.m: Inewsmalta.com huwa infurmat li bħalissa, l-eżekuttiv tal-PN qiegħed jieħu vot ta’ fiduċja fit-tmexxija ta’ Adrian Delia.

00:23 a.m: Hekk kif il-laqgħa tal-Eżekuttiv issa qabżet il-ħames siegħa, qed jigru l-għajdut li, Lawrence Gonzi qiegħed jippropona u jimbotta ‘l quddiem elezzjoni fost it-tesserati bejn Adrian Delia u Therese Commodini Cachia.

11:15 p.m: Skont sorsi fi ħdan il-PN u li bħalissa jinsabu fil-laqgħa tal-Eżekuttiv, jidher li l-għajta biex Adrian Delia jerġa jaffaċċja vot ta’ fiduċja qed tkompli tikber u tissaħħaħ. Dan minkejja li l-istatur il-ġdid li kien maqbul unanimament, jgħid li vot ta’ fiduċja ma jista jerġa jissejjaħ sentejn qabel ma jkun seħħ l-ewwel vot. Madanakollu, uħud qed jikkontestaw din il-klawsola.

10:10 p.m: Bħalissa waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN, beda jitkellem l-eks Prim Ministru u eks-Kap tal-PN Lawrence Gonzi. Matul il-ġurnata tal-lum, Gonzi qal li 17-il Deputat li vvotaw kontra t-tmexxija ta’ Adrian Delia mgħandhomx ikunu kkastigati. Dan jikkontrasta mhux ftit għal dak li fl-2012 Lawrence Gonzi kien għamel. Fil-fatt dak iż-żmien, Jeffrey Pullicino Orlando, Franco Debono u Jesmond Mugliett, gonzi flimkien mal-kumplament tal-PN qablu li t-tliet deputati mgħandhomx jikkontestaw l-elezzjoni tal-2013. Dan kien seħħ għax it-tliet deputati kienu ħaduha kontra l-istess Gonzi.

9:10 p.m: Skont l-aħbarijiet li qegħdin jiċċirkolaw, jidher li Adrian Delia se jkun qed jaffaċċja vot ta’ fiduċja oħra. Dan huwa t-tieni vot ta’ fiduċja f’temp ta’ ġimgħa. Kien it-tabib u l-eks-Deputat u eks-Sindku Karkariż Michael Asciak li ressaq din il-mozzjoni. Kollox jidher li l-fazzjoni tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil se tkun qed tressaq vot ta’ sfiduċja f’organu ieħor tal-PN.

8:45 p.m: Waqt li kienu deħlin għal-Laqgħa msemmija, kien hemm reazzjonijiet varji għall-kummenti li ntalbu l-membri tal-istess eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

It-tensjoni qabel din id-diskussjoni hija waħda ċara b’uħud jikkonfermaw l-pożizzjoni tagħhom kontra Delia, oħrajn favur, filwaqt li oħrajn naqsu milli jikkummentaw minkejja numru ta’ mistoqsijiet.

Spikka l-kumment ta’ Mario Galea li qal li jiddispjaċih li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni spiċċat inbidlet f’waħda interna. Huwa fakkar fil-qosor il-ħatra ta’ Delia li mar quddiem it-tesserati u ntagħżel biex jirrappreżentahom sakemm grupp ta’ Membri Parlamentari marru quddiem il-President jisfiduċjawh b’dan tal-aħħar jiddeċiedi li Delia għandu jibqa’. Mistoqsi jekk tellieqa oħra għal kap issolvix il-problema, Galea qal li assulutament ma jaqbilx. Qal li fl-opinjoni tiegħu s-soluzjoni hija li dawk li esżawrixxew il-mezzi kollha jridu joqogħdu għar-riżultat.

Id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone meta mistoqsi dwar jekk iridx tellieqa tat-tmexxija wieġeb li “Iva”. Żied jgħid li jrid ikollhom partit b’saħħtu.  Saħaq li huwa leali lejn il-partit u li anke jekk l-problema ma kinitx dejjem Adrian Delia, il-partit kien nieżel fis-sondaġġi.

Il-maġġoranza tal-membri l-oħra għażlu li ma jikkummentawx jew li joħorġu mill-mistoqsijiet li sarulhom.

6:30 p.m: L-Eżekuttiv Tal-Partit Nazzjonalista mistenni jitratta l-qagħda politika attwali partikolarment wara l-vot li ntalab il-ġimgħa li għaddiet fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista u d-deċiżjoni li tħabbret ilbieraħ mill-President George Vella.

Il-President spjega li mil-laqgħat li kellu mal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni, 16 minnhom iddikkjaraw li m’għandhomx fiduċja f’Delia bħala kap tal-Oppożizzjoni. Fl-istess waqt kien hemm 11 li saħqu li kellhom fiduċja fih, filwaqt li Membru Parlamentari ieħor astjena.

Vella tenna jgħid li minkejja li Delia tilef l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta’ Membri Parlamentari f’Oppożizzjoni għall-gvern, biex ir-rwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ma jibqax vakanti, Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni għax għadu jgawdi l-pożizzjoni ta’ Kap ta’ dan l-akbar partit fl-oppożizzjoni.

Share With: