AĠĠORNAT: Therese Comodini Cachia l-għażla għal Kap tal-Oppożizzjoni …Chris Said u Claudette Buttigieg mistennija daqt għand il-President

Aġġornat: Bħalma konna diġà għedna, kienu d-deputati Chris Said u Claudette Buttigieg li ftit tal-mument ilu marru għand il-President George Vella biex jgħarrfuh min hi dik il-persuna li tgawdi mill-fiduċja tal-maġġoranza tad-deputati u li se tieħu post Adrian Delia. Jidher li dawn iż-żewġ deputati se jinformaw lill-President b’ittra li hemm maġġoranza li għandhom fiduċja f’deputat ieħor.

Aktar kmieni: Wara li d-deputat Nazzjonalista Chris Said ħabbar li mhux interessat li jieħu l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, issa jidher li qiegħda tiġi x-xnigħa li tista’ tkun Therese Comodini Cachia li tassumi din il-kariga.

Kien Therese Comodini Cachia nnifisha li ssekondat lil Chris Said fil-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Filwaqt li Delia qal li mhux bi ħsiebu jċedi postu, min-naħa l-oħra l-fazzjoni li sfiduċjatu issa tista’ tagħti l-appoġġ tagħha lil dak id-deputat li tixtieq minfloku Delia u taħtru bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant, jidher li fil-ħin li ġej id-deputati Chris Said u Claudette Buttigieg se jkun qed imorru għand il-President ta’ Malta, George Vella fejn jitolbuh biex jibda l-proċess biex Therese Comodini Cachia tieħu post Delia.

Ladarba tinħatar, Comodini ssir l-ewwel mara li qatt okkupat din il-kariga.

Share With: