AĠĠORNAT: “Theuma bil-mod kif seta’ rrisponda li kien hu li weġġa’ lilu nnifsu”

“F’inqas minn 12-il siegħa qed nagħti aktar dettalji dwar il-każ”. Hekk beda biex jgħid fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Kummissarju Gafà hekk kif qal li din kienet il-wiegħda tiegħu dakinhar tal-ħatra.

Huwa beda biex jgħid li Melvin Theuma nstab f’sikkina f’idu il-leminija bi ġrieħi serji f’għonqu, ġrieħi fil-kustilji u ġrieħi fil-polz. Immedjatament ġiet infurmata l-Maġistrat Astrid May Grima.

Gafà qal li l-ewwel indikazzjonijiet tal-investigaturi esperti huma li Theuma prova jweġġa’ lilu nnifsu. Skont l-ewwel investigazzjonijiet juru li l-ġrieħi huma dawn imsemmija u li ma kienx hemm sinjali ta’ reżistenza.

L-aperturi ta’ ġewwa kienu kollha magħluqin għajr bieb tal-gallarija u tieqa li tagħti għax-xaft.

Kienet l-avukat li wriet il-preokkupazzjoni minħabba nuqqas ta’ kuntatt mal-klijenti tagħha. L-Ispettur Arnaud kien għamel kuntatt mal-Pulizija li kien hemm għassa miegħu, b’żewġ uffiċjali li jkunu miegħu ta’ kuljum. Dawn ma kinux l-uniċi uffiċjali għassa. Il-Kummissarju qal li minbarra dan kien hemm żewġ uffiċjali oħra.

Qabel ħarġet is-sieħba huwa insista li din tieħu ċ-ċwievet magħha għax kien dieħel jistrieħ ftit. Il-Pulizija daħlet fil-post meta martu rritornat minn barra, xi ħaġa li skont l-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kienet xi ħaġa normali li din toħroġ dak il-ħin.

L-Ispettur Keith Arnaud kien minn tal-ewwel fil-post u għamel mezz li jipprova jikkomunika ma’ Theuma dwar dak li seħħ. Theuma rrisponda kif seta’ b’sinjali li juri li kien hu li għamel dan kollu.

Il-Kummissarju qal li din hija l-ewwel informazzjoni u li dak li ntqal ilbieraħ filgħaxija jibqa’ validu. Żied jgħid li Melvin Theuma ġie operat u jinsab f’qagħda stabbli.

9:15 a.m: Fl-aħħar ħin il-Pulizija fi stqarrija maħruġa kkonfermat li fid-9:30 a.m il-Kummissarju tal-Pulizija se jkun qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet b’rabta ma’ dak li seħħ tard ilbieraħ filgħaxija.

Inewsmalta se tkun qiegħda taġġorna dwar dak li se jkun qiegħed jingħad f’din il-konferenza fil-ħin li ġej.

Share With: