Aktar droga misjuba u xufiera jinqabdu jiksru r-regoli tat-traffiku

Matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, il-Pulizija flimkien ma’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta wettqu diversi kontrolli tat-traffiku madwar Malta li rriżultaw f’sejba ta’ droga kif ukoll ġew osservati ksur ta’ regolamenti tat-traffiku.

F’kontrolli li saru fi Vjal Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid u fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa, il-Pulizija sabu f’vettura tal-għamla BMW 318D M Sport, misjuqa minn ġuvni ta’ 19-il sena residenti Birżebbuġa u fuq il-passiġġier, ġuvni ta’ 19-il sena residenti Birżebbuġa ukoll, sustanza suspettata cannabis u oġġetti relatati mal-użu tad-droga. 

F’vettura tal-għamla BMW 320D, misjuqa minn raġel Sirjan ta’ 34 sena residenti Raħal Ġdid nstabet sustanza suspettata cannabis. 

Ġuvni ta’ 19-il sena residenti l-Ħamrun inqabad isuq vettura tal-għamla Toyota Tercel bla liċenzja valida. 

F’vettura tal-għamla Toyota Vitz, fuq waħda mill-passiġġieri – tfajla ta’ 19-il sena residenti l-Pietà – instabet sustanza suspettata kokaina. 

Mara ta’ 30 sena residenti r-Rabat Għawdex instabet li kienet qed issuq l-vettura tal-għamla Peugeot 206 taħt l-influwenza tal-alkoħol. 

F’vettura tal-għamla Mercedes Benz CLS, misjuqa minn mara Rumena ta’ 34 sena residenti San Ġiljan instabet sustanza suspettata kokaina. Il-mara nstabet ukoll li kienet qed issuq l-vettura taħt l-influwenza tal-alkoħol. 

F’vettura tal-għamla Mercedes Benz A180, misjuqa minn raġel ta’ 21 sena residenti s-Siġġiewi instabet sustanza suspettata cannabis u oġġetti relatati mal-użu tad-droga. 

F’kontrolli oħra li saru fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa, il-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun sabu seba’ vetturi li kienu qed jinstaqu minn xufiera – li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 u l-52 sena – li ma kinux koperti b’polza tal-assigurazjoni u/jew liċenzja valida tas-sewqan.

Il-Pulizija qalet li se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Share With: