Aktar proposti li se jeqirdu art verġni … razzett tan-nagħaġ meqjus li se jeqred ambjent naturali

Wieħed mill-isbaħ postijiet f’Malta b’xenarju li jsaħħrek hu dak ta’ Ħofret ir-Ritz fl-inħawi tar-Rabat Malta. Post b’xenarju naturali, li fih wieħed għadu jista’ jgawdi l-kampanja Maltija. Dan is-sit imma mhux meħlus minn applikazzjonijiet ta’ żvilupp li se jnaqqru l-art verġni li hemm. Diversi bdiewa li għandhom raba’ fl-inħawi qed jilmentaw u magħhom anke l-Awtorità għall-Ambjent, dwar art li fuqha hu propost li jinbena razzett tan-nagħaġ.

Bidwi li tkellem magħna qalilna li “ma nistax nifhem kif art mhix mibnija, tiġi proposta biex fuqha isir razzett tan-nagħaġ. Kemm se ndumu ngħidu li m’għandhiex tintilef aktar art agrikola. La darba se tinbena din iż-żona tkun tfisser preċedent u li jista’ jagħti lok għal żvilupp ieħor f’dan il-post. Nittamaw li l-awtoritajiet ma jaċċettawx dan l-iżvilupp propost”, qalilna l-istess bidwi.

Intant IT-TORĊA hi infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent (ERA) qed toġġezzjona għal dan l-iżvilupp. L-ERA waqt li ssemmi li s-sit hu barra miż-żona għall-iżvilupp.  L-ERA spjegat li dan is-sit kien diġa suġġett għal applikazzjoni xi snin ilu fejn kien ġie propost li ssir residenza u garaxx.  L-ERA, waqt li qalet li din l-applikazzjoni kienet irtirata, enfasizzat li din l-applikazzjoni ġdida għal razzett tan-nagħaġ  se twassal biex tittieħed art agrikola li mhix żviluppata u li s-sit inkwistjoni jispiċċa ikunu formalizzat. Qalet li dan se jwassal biex jinqered l-ambjent naturali tal-post, waqt li l-istess applikazzjoni kemm il-darba approvata se tkun qed tkompli tikkonsolida l-iżvilupp intensiv  f’żoni barra miż-żona ta’ żvilupp.  Spjegat li dan il-proġett propost se jkollu impatti negattivi fuq il-kampanja u fuq il-karattru rurali.

Share With: