Arti ta’ Banksy stmata €8.25 miljun tnaddfet minn fuq ferrovija

Miktub minn Anthea Cachia

L-artist famuż Banksy, magħruf għall-graffiti artistiċi, żvela l-aħħar arti tiegħu fuq il-profil ta’ Instagram. Fuq il-vidjow intitolat, “London Underground Undergoes Deep Clean”, jidher Bansky liebes ‘libsa’ li normalment tintlibes bħala protezzjoni (eżempju; fiż-żmien tal-pandemija) għaliex l-identità tiegħu dejjem baqgħet sigrieta, minkejja s-suċċess u l-popolarità tax-xogħol tiegħu u ntant f’dan l-istess vidjow jidher li beda ‘jpinġi’ ġurdien, permezz ta’ spray. 

Dan il-ġurdien, li skont artisti huwa stmat madwar €8,257,789.88 (£7.5 miljun), minkejja l-valur tiegħu, il-kumpanija Transport For London (TFL), li topera l-ferrovija li fiha kien hemm l-arti ta’ Banksy, għandha politika stretta dwar il-graffiti, u għaldaqstant temmen meta jintlemah kull tip ta’ graffiti għandu jitneħħa immedjatament. 

Joey Syer, ko-fundatur ta’ MyArtBroker, li tkellem dwar il-valur tal-famuż ġurdien, qal lis-sit Metro li, “din kienet opportunità enormi li issa ntilfet għal persuni kollha li huma residenti Londra wara li l-aktar xogħol riċenti ta’ Banksy tneħħa mit-tim ta’ kontra l-graffiti, it-TFL.”

Huwa żied jgħid li jifhem il-fatt li l-persuni nkarigati li jnaddfu l-graffiti kienu qegħdin jimxu fuq l-ordni li ngħatawlhom u li huwa probabbli li ma’ kellhom l-ebda idea li kienu qegħdin jeqirdu arti bħal dik. “Li kieku l-maniġment ta’ TFL kienu jafu u jirnexxielhom ineħħuha mill-post mingħajr ma jeqirduh kien ikun stmat minn tal-inqas €8,257,789.88” kompla jgħid Syer. 

Filwaqt li rringrazzjaw lin-nies li jagħmlu użu mit-trasport tagħhom ta’ kuljum, huma spjegaw li din l-arti tneħħiet biss minħabba r-regoli tagħhom u għaldaqstant, “qegħdin noffru lil Banksy biex jieħu l-opportunità li jagħmel verzjoni ġdida tal-messaġġ tiegħu għal klijenti tagħna, f’post adegwat.” Huwa rrapportat li l-kelliem tal-kumpanija m’għamel l-ebda referenza għall-valur ta’ din l-arti jew inkella jekk kellhomx għarfien ta’ min kien għamel din l-arti. 

Share With: