Bartolo favur finanzjament pubbliku tal-partiti

Isostni waqt l-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne li b’hekk nevitaw il-periklu tal-korruzzjoni 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo għamilha ċara li rridu mmorru għall-finanzjament pubbliku tal-partiti jekk irridu nevitaw li fihom tinbet il-korruzzjoni.

Bartolo kien qed jixhed quddiem l-Imħallfin Joseph Said Pullicino, Michael Mallia u Abigail Mallia fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa sostna li minn età żgħira fehem li waħda mill-ikbar problemi ta’ Malta kienet id-daqs żgħir tal-pajjiż li jista’ jwassal għal inċest li min-naħa l-oħra jibgħat lill-pajjiż lura.

Bartolo semma kif darba kien mistieden ikla fniek f’farmhouse u meta mar hemm sab diversi avukati u mħallef u kien għalhekk li iddeċieda li jitlaq għax ħass li ma kienx sew.

Huwa nsista li l-integrità personali hija tajba imma l-atteġġjament mhux biżżejjed għax jeħtieġ l-istituzzjonijiet waqt li stqarr li hawn bżonn eżami tal-kuxjenza nazzjonali.

Bartolo qal li huwa tkellem mal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks-Chief-of-Staff Keith Schembri, l-eks-Ministru Konrad Mizzi u anke kollegi fil-Kabinett dwar kif jaħsibha.

Fuq Schembri qal li dan kellu rwol importanti għax kien Chief-of-Staff imma ma kienx jaf jekk Brian Tonna u Karl Cini min-Nexia BT kellhomx uffiċċju Kastilja.

Dwar il-Panama papers saħaq li persuna li tiftaħ kontijiet f’ġurisdizzjonijiet sigrieti m’għandhix tkun aċċettata fil-ħajja pubblika għax għalkemm legalment tista’ tkun aċċettabbli moralment u politikament le.

Fir-rigward tal-Vitals u l-bejgħ tat-tliet sptarijiet sostna li dan ma kienx diskuss fil-Kabinett waqt li dwar dawk tal-Cafè Premier u Gaffarena wieġeb li iva fejn insista li dawn l-affarijiet m’għandhomx isiru.

Huwa kien mistoqsi wkoll dwar Neville Gafa u jekk kienx għadu jokkupa xi rwol fil-ministeru li jmexxi b’Bartolo jgħid li f’dawn is-sitt xhur li okkupa l-kariga preżenti le.

Dwar is-servizzi finanzjarji qal li huwa kien diżappuntat li dak li bena Mario Felice tkisser minn Joe Bannister, l-eks-Ċerpersin tal-MFSA, u lmenta li la Eddie Fenech Adami, la Lawrence Gonzi u lanqas Joseph Muscat ma ħadu passi u kien biss Alfred Sant li ħa azzjoni.

Fix-xiehda tiegħu Bartolo semma kif l-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo tneħħa fuq deċiżjoni ta’ Muscat u appella lill-Kummissarju attwali Angelo Gafa biex jagħmel analiżi tas-sitwazzjoni u pjan biex jindirizza l-problemi.

Share With: