‘Boezju u l-Filosofija’ tirritorna lura f’Malta – Il-kapolavur ta’ Preti jasal Malta

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ħabbar li l-pittura ‘Boezju u l-Filosofija’, kapolavur ta’ Mattia Preti, waslet Malta.

Dan il-kapulavur, li nxtara mill-Gvern fi Frar li għadda, kompla sawwar il-Kollezzjoni Nazzjonali. ‘Boezju u l-Filosofija’ issa hija uffiċjalment taħt il-kura ta’ Heritage Malta, għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

L-akkwist ta’ ‘Boezju u l-Filosofija’ twassal il-vjaġġ tal-opra fi tmiemu. Din l-opra, bħall-artist innifsu, għandha rabta b’saħħitha ma’ Malta, hekk kif ġiet ikummissjonata mill-Kavallier Fra Andrea di Giovanni fis-seklu 17, u għamlet għexieren ta’ snin imdendla fil-Palazz tal-GranMastru.

Għalkemm dan il-kapolavur ser jintwera għall-ewwel darba fil-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, mis-17 ta’ Lulju sal-31 ta’ Lulju, ladarba jitlesta x-xogħol estensiv ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru, ‘Boezju u l-Filosofija’ sa fl-aħħar ser terġa’ ssib postha f’darha, fejn kienet oriġinarjament imdendla.

L-akkwist tal-opra għas-somma ta’ €1,323,000 waqt l-Old Masters Auction ta’ Sotheby’s, fi New York, ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.

L-akkwist huwa evidenza ulterjuri tal-impenn tal-Gvern lejn il-ħarsien u t-tisħiħ tal-wirt artistiku u kulturali ta’ pajjiżna.

Share With: