Bottas u l-Mercedes jimpressjonaw …. il-Ferrari jiddiżappuntaw

Is-sewwieq Finlandiż, Valtteri Bottas (Mercedes), għeleb lill-kollega tiegħu, Lewis Hamilton, biex kiseb il-pole position tal-Awstrija, bil-Ferrari jiddiżappuntaw bil-kbir.

Hekk kif reġa’ beda l-istaġun b’ittardjar ta’ erba’ xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus, il-Mercedes taw twissija lil kulħadd hekk kif dehru imbattibbli.

Fil-fatt, il-karozzi Mercedes, li għal matul din is-sena ġew miżbugħa suwed biex jirriflettu s-sapport tagħhom għal kontra r-razziżmu, kienu nofs sekonda iktar veloċi fuq l-eqreb avversarju tagħhom Max Verstappen fuq Red Bull. Warajh fir-raba’ post se jkun qed jibda ż-żagħżugħ Ingliż Lando Norris, b’din se tkun l-ogħla pożizzjoni li qatt beda minnha fil-karriera tiegħu sa issa fil-Formula 1. 

Charles Leclerc fuq Ferrari temm biss fis-seba’ post waqt li sieħbu fuq l-istess karozza mmanifatturata fl-Italja lanqas biss irnexxielhom jagħmluha għall-aħħar parti tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni hekk kif ġie eliminat fit-tieni sessjoni ta’ kwalifikazzjoni u llum se jkun qed jibda biss mill-11-il post tal-gradwatorja.

Fil-kummenti tiegħu  wara din il-pole, Valtteri Bottas qal li jinsab ferm kuntent b’dan ir-riżultat iżda jkun kuntent iktar li kieku jirnexxielu jittrijonfa fil-Grand Prix tal-Ħadd. Min-naħa l-oħra, sieħbu fuq Mercedes u champion tad-dinja, Lewis Hamilton, feraħ bis-sħiħ lil Bottas għal dan is-suċċess, waqt li rrefera għal inċident żgħir li kellu mal-istess Bottas fl-istess pole position fejn iżda qal li xejn m’affettwa mir-rendiment u mir-riżultat aħħari miksub minnu.

It-tellieqa fiċ-ċirkwit tar-Red Bull Ring tibda fit-3.10 pm.

Share With: