Bournemouth jaċċettaw offerta ta’ £41 miljun mingħand Manchester City għal Nathan Ake

Bournemouth aċċettaw offerta ta’ £41 miljun mingħand Manchester City għad-difensur ċentrali Nathan Ake.

Dan il-player internazzjonali Olandiż issa mistenni jiddiskuti termini personali mal-club mill-Etihad satdium fejn huwa mistenni li jiġi milħuq ftehim fil-jiem li ġejjin.

Man City qed ifittxu li jikkonkludu dan il-ftehim kmieni kemm jista’ jkun issa li tneħħiet minn fuqhom is-sanzjoni taċ-Champions League waqt li qed jersqu wkoll viċin li jiffirmaw lill-winger ta’ Valencia Ferran Torres għas-somma ta’ £21 miljun.

Ake ta’ 25 sena rriżulta bħala wieħed mill-aqwa players ta’ Bournemouth sa minn meta ngħaqad magħhom mingħand Chelsea b’mod permanenti lura fl-2017 għas-somma ta’ £20 miljun, li hija waħda record għall-club ta’ Bournemouth. Dawn tal-aħħar, għalkemm sfaw relegati għaċ-Championship, issa qed ifittxu li jirduppjaw din is-somma billi jbigħuh lil Manchester City.

Il-manager tas-Citizens Pep Guardiola ilu fit-tentattiv li jsaħħaħ id-difiża tiegħu sa minn meta tilef lil Vincent Kompany fi tmiem l-istaġun li għadda, u t-team immexxi minnu naqas li jsib sostitut denju għalih.

Fernandinho, li tipikament jilgħab fir-rwol ta’ midfielder ċentrali, ġieli kien qed jiġi utilizzat bħala difensur, iżda issa jidher li Ake se jkun partner fit-tul għal Aymeric Laporte ma’ man City.

Hekk kif kollox qed jindika li Man City se jkunu qed jiffirmaw lil Ake, huma qed jersqu viċin ftehim ma’ Torres li għandu 20 sena u li qed jiġi identifikat bħala sostitut denju għal Leroy Sane.

Jidher li l-club minn Manchester digá laħaq ftehim ma’ dan il-player internazzjonali Spanjol ta’ taħt il-21 sena fuq kuntratt ta’ ħames snin.

Iż-żewġ clubs għadhom iridu jilħqu ftehim fuq is-somma finali iżda jidher li huma jinsabu viċin li jagħmlu dan. Valencia riedu £40 miljun għal Torres iżda rapporti fi Spanja qed jindikaw li Valencia lesti li joffru lil dan il-player lil Man City għas-somma ta’ £27.2 miljun.

Guardiola aċċetta l-fatt li kienet meħtieġa trasformazzjoni fil-kamp ta’ Man City matul dan is-sajf wara li matul l-istaġun li għadda spiċċaw bħala runners-up għaċ-champions Liverpool b’distakk ta’ xejn inqas minn 18-il punt minnhom.

Wara li s-sanzjoni tagħhom mill-kompetizzjonijiet Ewropej ġiet irtirata mill-Qorti għall-Arbitraġġ tal-Isport, Guardiola ngħata l-permess li jingaġġa aktar players u hu tefa’ l-ħarsa tiegħu fuq dawn iż-żewġ players żgħażagħ bi prospetti sbieħ għall-futur fid-difiża u fl-attakk rispettivament.

Is-suq tat-trasferimenti huwa miftuħ sal-5 ta’ Ottubru li ġej iżda bl-istaġun 2020/21 li se jibda fit-12 ta’ Settembru, Guardiola jidher li jixtieq li jingaġġa lil dawn il-players kemm jista’ jkun malajr, bit-tama li jirnexxielu jintegrahom fl-iskwadra mill-aktar fis possibbli.

Share With: