Byron Camilleri jindirizza lill-Parlament dwar il-każ ta’ Melvin Theuma

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Tibdil fil-Klima Byron Camilleri appella lill-politiċi biex ifittxu l-ġustizzja u mhux is-sensazzjonaliżmu.

Huwa iddikjara dan fil-Parlament waqt dikjarazzjoni li għamel b’rabta ma’ dak li ġara lil Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Theuma jinsab f’qagħda stabbli wara li skont il-Pulizija nhar it-Tlieta filgħaxija ipprova jikkommetti suwiċidju fid-dar fl-Ibraġġ fejn qed jgħix.

Camilleri sostna li kien għall-ħabta tal-9.45 p.m. meta ċempillu l-Kummissarju tal-Pulizija u nfurmah b’dak li ġara u saħaq li dak li jaf milli ħareġ fil-pubbliku.

Huwa qal li jifhem l-importanza ta’ din il-ġrajja madankollu insista li l-interess tiegħu huwa li toħroġ il-verità u mhux is-sensazzjonaliżmu waqt li fakkar kif il-Pulizija għadha qed tinvestiga dak li ġara.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia iddeskriva dak li ġara lil Theuma bħala “mument drammatiku u traġiku” u insista li hemm bżonn li tiġi indirizzata l-ispekulazzjoni dwar jekk kienx attentat ta’ suwiċidju jew le.

Il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami akkuża lil Camilleri b’inkompetenza u b’ton irrabjat żammu responsabbli ta’ dak li seħħ kemm jekk huwa attentat ta’ suwiċidju kif ukoll jekk le.

Ftit qabel id-dikjarazzjoni ta’ Camilleri huwa staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dwar is-sitwazzjoni ta’ Theuma u akkuża lill-Istat li falla milli jipproteġih.

Fearne wieġbu li huwa ma jidħolx f’dettalji mediċi tal-individwi u seta jgħid biss li mill-aħħar informazzjoni li kellu l-qagħda ta’ Theuma kienet stabbli minkejja li baqgħet kritika waqt li esprima t-tama li jirkupra.

Share With: